Iċ-ċinema Malti fil-qalba tal-Ewropa. Miexi ġmielu l-proċess biex Malta tissieħeb f’Eurimages
- Owen Bonnici Team

- Jun 19
- 1 min read

Fi Strasburgu fi Franza l-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li Malta qed timxi ġmielha lejn sħubija f’Eurimages, il-fond kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa li jappoġġja l-produzzjoni ta’ films indipendenti madwar l-Ewropa.
Dan ġie mħabbar waqt attività speċjali fiċ-ċinema storiku Cosmos Cinema fi Strasburgu, Franza, bħala parti mill-ftuħ tal-Malta Film Week – ġimgħa ddedikata lejn il-ħidma u l-kreattività ta’ awturi u film makers Maltin.
“Dan mhux biss pass importanti ta’ politika kulturali, iżda impenn ċar u serju li Malta lesta tkun sieħba kreattiva fil-qalba taċ-ċinema Ewropea. Malta tista’ tkun pont għal diversi nazzjonijiet fil-qasam tar-rakkont globali,” qal il-Ministru Bonnici.
Eurimages joffri appoġġ finanzjarju għal produzzjonijiet ta’ animazzjoni, films ta’ drama u dokumentarji, u Malta qed timmira li tkun parti minn din il-pjattaforma sabiex tespandi l-opportunitajiet għal dawk li jaħdmu fil-qasam tal-film f’pajjiżna.
Il-Ministru Bonnici qal li hekk kif Malta qed tiċċelebra 100 sena ta’ industrija tal-films qed jintbagħat ukoll messaġġ b’saħħtu li pajjiż bħal tagħna jista’ jilħaq livelli għoljin ta’ suċċess. Huwa semma wkoll l-investiment kontinwu fil-qasam tal-kultura – fosthom l-arkivjar, il-finanzjament u l-konnessjonijiet internazzjonali.
L-attività fi Strasburgu rat ukoll wirja ddedikata lill-ikona tal-film Malti Cecil Satariano, deskritt mill-Ministru Bonnici bħala “pijunier u wieħed mill-missirijiet taċ-ċinema auteur fil-Mediterran”.
Il-Malta Film Week fi Strasburgu qed iġġib flimkien ħames films Maltin minn stili u ġenerazzjonijiet differenti – fosthom Castillo u Ciao Ciao – bil-Ministru Bonnici jiddeskrivi l-inizjattiva bħala “okkażjoni fejn Malta mhux biss turi x’toffri bħala lokazzjoni, iżda bħala storja li jistħoqqilha tiġi msemmija”.
Matul iż-żjara tiegħu f’Strasburgu, il-Ministru kellu wkoll laqgħat ma’ Susan Newman, Direttur Eżekuttiv ta’ Eurimages, u Enrico Vannucci, id-Deputat Direttur Eżekuttiv.




Comments