It-Tnejn 8 ta’ Mejju 2017
Maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista
Ħadd f’dan il-pajjiż m’għandu dritt illi jimmina jew jiddistabilizza l-proċess elettorali
Illejla waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici u d-Depitat Laburista Michael Falzon għaddew messaġġ ċar u b’saħħtu li ħadd f’dan il-pajjiż m’għandu dritt illi jimmina jew jiddestabilizza s-serenita tal-proċess elettorali.
Dr Bonnici sostna li Beppe Fenech Adami waqt li kien qed jgħid li l-proċess elettorali huwa vvizjat u li hemm affarijiet li mhux sewwa fil-proċess elettorali, kien jaf li qed jgħid xi ħaġa li m’hijiex minnha. Huwa fakkar li dan huwa t-tieni kas ta’ Beppe Fenech Adami li pprova jiddestabilizza l-proċess elettorali, fejn ipprova jagħti l-impressjoni li hemm kriżi fis-sistema tal-ID cards u tar-reġistru elettorali. Iżda wara li nnagħtat spjega, irriżulta li ma kien hemm l-ebda kriżi u kien kollhu ivvintar ta’ Beppe Fenech Adami.
Dr Bonnici saħaq li tant kemm dak li qal Beppe Fenech Adami huwa gidba, li sħabu kienu diġa qablu mal-proċess kollhu tal-istampar ta’ dawn id-dokumenti u llejla waqt laqgħa straordinarja l-Kummissjoni Elettorali infurmat lill-pubbliku li l-medium il-ġdid introdott tad-dokument tal-vot, li fih tlett security features, issodisfaw kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lid-delegati tal-partiti politiċi.
“Għandna sitwazzjoni fejn id-delegati stess tal-partit li tiegħu huwa Viċi Kap Beppe Fenech Adami, imerru dak li qal Beppe Fenech Adami nnifsu” saħaq Dr Owen Bonnici.
Il-Ministru Bonnici tenna li fil-ġimgħat li ġejjin se jkollna l-aċċertamenti kollha meħtieġa, biex kull partit politiku f’Malta ikun komdu bis-sistema elettorali illi diġa għandha l-fiduċja tad-delegati tal-partiti kollha f’pajjiżna.
Dr Michael Falzon saħaq li qegħdin hemm biex ikunu l-avukati tad-demokrazija ta’ pajjiżna, u l-avukati tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali f’pajjiżna illi l-Partit Nazzjonalista bl-iktar mod baxx lest li jimmina akkost ta’ kollox. Qal, li jkollok Viċi Kap ta’ partit politiku, illi joħroġ dan it-tip ta’ attakki insensati li ma jagħmlux sens, kontraditorji għal dak li qed jgħidu n-nies nominati mill-istess partit tiegħu, turi f’liema livell baxx wasal il-Partit Nazzjonalista.
“Għandek stqarrija tal-Kummissjoni Elettorali li hija unanima u li ta’ min infakkar li erba’ mill-Membri tal-istess Kummissjoni Elettorali huma appuntati direttament mill-istess Kap tal-Oppożizzjoni. Insemihom b’rispett u mhux biex nattakahom, iżda fosthom hemm eks President tal-Partit Nazzjonalista, hemm avukat prominenti li jiddefendi l-libelli kollha tista’ tgħid tal-Partit Nazzjonalista, hemm avukat li huwa eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista u hemm persuna li ilha tirrappreżenta l-interessi Nazzjonalista fil-Kummissjoni Elettorali għal dawn l-aħħar 25 sena. Kif tista’ tattaka anka stqarrija u deċiżjoni meta erba’ membri li kienu nominati mill-PN, huma stess kienu unanimi dwarha” saħaq Dr Falzon.
“Dejjem għandek taċċetta l-ġuddizju tal-poplu, jkun xi jkun ir-riżultat. Li jkollok lill xi ħadd li tant hu ddisprat li jasal biex jipprova jimmina l-proċess demokratiku tal-pajjiż sempliċiment biex forsi jipprova jaħbi d-disprament politiku tiegħu, timmerita kull kundanna immaġġinabbli”, tenna Dr Falzon.
Dr Falzon saħaq li huma għandhom fiduċja fil-Kummissjoni Elettorali, għaliex dan il-partit verament jemmen fid-demokrazija u fl-istituzzjonijiet.
Il-Viċi President tal-Partit Laburista ta spjega dettaljata tal-proċess elettorali.
Uffiċċju Komunikazzjoni
Partit Laburista
Comments