top of page

114 avukat jingħataw il-‘warrant’


Total ta’ 114 gradwat irċevew il-warrant biex jipprattikaw ta’ avukati mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. Minn dawn 46 huma rġiel u 68 huma nisa.


Il-Ministru Bonnici feraħ lill-avukati l-ġodda għal dan il-pass u  tkellem dwar l-importanza u r-responsabbiltà tal-professjoni filwaqt li ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jimxu mal-Kodiċi tal-Etika u jġibu ruħhom b’serjetà u b’responsabbiltà peress li qed jirrappreżentaw settur kruċjali f’pajjiżna – il-ġustizzja.

Il-Minsitru Bonnici tkellem ukoll dwar il-fatt li dan il-gvern huwa kommess li jkompli jaħdem sabiex isaħħaħ il-qasam ġudizzjarju b’mod li dan ikun aktar effettiv u jkun tassew ta’ servizz għaċ-ċittadin b’mod aktar effiċjenti.


Filwaqt li rrefera għall-aġġornamenti fi ħdan il-Qorti ta’ Malta fosthom il-proġett ta’ titjib tal-infrastruttura tal-informatika b’investiment ta’ kwazi nofs miljun ewro li hemm għaddej attwalment, irrefera għar-riformi varji li saru fi ħdan is-settur tal-ġustizzja matul l-aħħar żmien li wasslu għal aktar tisħiħ fi ħdan dan is-settur kruċjali f’pajjiżna.


Hu qal li “kull waħda minnhom hija pass ’il quddiem biex insaħħu s-saltna tad-dritt u d-demokrazija.” Fost in-numru ta’ riformi li saru, hu semma t-tneħħija tal-preskrizzjoni minn fuq il-politiċi li jagħmlu att ta’ korruzzjoni,  il-liġi dwar il-media u l-malafama, it-tisħiħ tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u t-twaqqif tal-Bureau għall-Irkupru tal-Assi. Irrefera wkoll għaż-żieda ta’ sessjonijiet fil-Qrati tal-Appell u kif ukoll it-titjib li sar fis-sistema ta’ analiżi tal-effiċjenza f’din il-kolonna importanti tal-Istat.


“Waqt l-2018 konna xhieda tal-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid, kif ukoll ta’ 3 maġistrati u ta’ 3 imħallfin ġodda li wasslu għal avveniment storiku f’pajjiżna. Għall-ewwel darba fil-ġudikatura hemm maġġoranza ta’ nisa, b’total ta’ 23 mara u 22 raġel. Din hija kisba pożittiva ħafna speċjalment meta nħarsu lejn 5 snin ilu meta 35% biss tal-ġudikanti kienu nisa,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.


Il-Ministru Bonnici kkonkluda billi awgura lil dawk preżenti filwaqt li rrefera għall-impenn li għandhom il-gvern u l-Ministeru għall-Ġustizzja f’dan il-qasam u qal li permezz tal-għajnuna u tal-ħidma tal-professjonisti l-ġodda huma jistgħu jkunu parti minn din ir-riforma ħolistika fil-qasam tal-ġustizzja.



 

PR190609


bottom of page