top of page

Żvelat l-Ewwel Padiljun ta’ Malta fil-London Design Biennale

L-installazzjoni Urban Fabric f’spazju prominenti fil-Bitħa Ċentrali ta’ Somerset House



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, niedew l-installazzjoni Urban Fabric, l-ewwel Padiljun ta’ Malta li qed jiġi ppreżentat fil-London Design Biennale, li qed jitella f’Somerset House, Londra.


Matul it-tnedija, il-Padiljun ta’ Malta ospita prestazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi Maltin KorMalta u ŻfinMalta. L-installazzjoni tal-Padiljun ta’ Malta ġiet iddisinjata minn Open Square Collective, magħmul mill-Perit Matthew Joseph Casha li huwa l-lead creative, id-disinjatur tal-moda Luke Azzopardi, l-artist u akkademiku Trevor Borg u l-Perit Alessia Deguara.


“Din hija wegħda elettorali oħra mwettqa. Din il-parteċipazzjoni għandha l-għan li tesebixxi s-settur artistiku u kulturali ta’ pajjiżna kif ukoll li ssaħħaħ il-profil internazzjonali tad-disinjaturi Maltin. Kommessi li nibqgħu naħdmu biex insaħħu l-pjattaforma internazzjonali għas-setturi kulturali u kreattivi. Permezz ta’ dawn l-isforzi qed inkomplu nwettqu l-missjoni tagħna li nesponu aktar lill-industriji kulturali u kreattivi tagħna”, stqarr il-Ministru Owen Bonnici.


Il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-London Design Biennale ssegwi padiljuni oħra ta’ suċċess f’festivals internazzjonali bħall-Biennale ta’ Venezja, bix-xogħlijiet u esebizzjonijiet ikkummissjonati mill-Kunsill Malti għall-Arti jirċievu rispons pożittiv ħafna mill-midja internazzjonali. Il-Kunsill qed jimmira li jkompli jibni fuq dawn il-kisbiet billi jiffoka fuq viżibilità, kollaborazzjonijiet, u sħubiji internazzjonali filwaqt li jkompli joffri lill-artisti Maltin aċċess għal netwerks u skambji internazzjonali.


Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall tenna li dan il-proġett ikompli jimplimenta l-programm ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-Kunsill li l-għan tiegħu hu li jiffaċilita l-vjaġġ tal-artisti fl-esportazzjoni tal-kreattività tagħhom.


L-installazzjoni ta’ Malta hija ddisinjata minn taħlita ta’ arti, arkitettura u b’disinn innovattiv u sostenibbli. It-tim ta’ artisti wara dan il-proġett huma ismijiet magħrufa u rispettati fi ċrieki artistiċi lokali u internazzjonali, fejn ikkollaboraw f’diversi proġetti ta’ livell għoli.


Il-Perit Matthew Joseph Casha tenna s-sodisfazzjon tagħhom bħala Open Square Collective li ħolqu l-installazzjoni għall-ewwel preżentazzjoni ta’ Malta fil-London Design Biennale. Spjega li l-ħsieb wara l-installazzjoni hija villaġġ tradizzjonali Malti. Kompla li l-installazzjoni tgħaqqad żewġ elementi separati - l-ippjanar tradizzjonali ta’ belt flimkien mat-tradizzjoni Feniċja/Maltija tal-produzzjoni tat-tessuti, bl-użu ta’ injam u tessuti organiċi li huma sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.


Ħafna mill-materjali minn Urban Fabric se jiġu użati mill-ġdid għal installazzjoni ġdida fil-Belt Valletta fl-2024.


Il-London Design Biennale qed jitella f’Somerset House bejn l-1 u t-30 ta’ Ġunju 2023. Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq www.urbanfabricmalta.com u fuq www.artscouncil.mt.







コメント


bottom of page