Il-Ministru Owen Bonnici fi żjara fuq is-sett tal-produzzjoni Ingliża ‘TheTravel Writer’
- Mar 3
- 2 min read

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mal-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, żaru s-sett tal-produzzjoni ‘TheTravel Writer’ fil-Birgu.
Matul iż-żjara tiegħu l-Ministru Bonnici sostna li l-programm tal-cash rebate sar pilastru importanti għall-iżvilupp tal-industrija tal-films f’Malta, hekk kif qed ikompli jattira produzzjonijiet ta’ livell għoli li mhux biss isaħħu r-reputazzjoni tal-pajjiż bħala destinazzjoni kompetittiva għall-film internazzjonali, iżda wkoll joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u investiment għall-professjonisti Maltin.
Il-Ministru Bonnici kompla jtenni li dan is-suċċess juri kif politika kulturali u ekonomika b’viżjoni tista’ tħalli impatt konkret fuq l-ekonomija kreattiva tal-pajjiż.
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech spjega li apparti investiment dirett fl-ekonomija, proġetti bħal ‘The Travel Writer’ jikkontribwixxu għall-upskillingtal-crews, tkabbir tal-industrija u viżibilità internazzjonali għal Malta. Huwa enfasizza li l-ħidma biex tinbena industrija sostenibbli li toħloq impjiegi ta’ kwalità u karrieri fit-tul għall-Maltin u l-Għawdxin għaddejja b’mod aċċellerat. Grech stqarr li se jibqgħu impenjati li jattiraw produzzjonijiet internazzjonali li jġibu valur fit-tul lill-industrija tal-films f’Malta, filwaqt li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura u l-crews f’Malta.
Dan il-film Ingliż ta’ madwar 100 minuta beda l-ħidma tiegħu fil-pajjiż f’nofs Frar, għal 25 ġurnata. ‘The Travel Writer’ taħt id-direzzjoni tad-direttriċirinomata Heidi Ewing, jirrakkonta l-istorja ta’ Sam Nicholson, kittieb tal-ivvjaġġar li jirtira f’raħal kwiet u remot Sqalli fl-1985. Minħabba illi Malta qed tieħu post Sqallija tas-snin tmenin, it-tim kreattiv wara l-produzzjoni żamm il-ġbid ta’ dan il-film għal diversi rħula Maltin, u postijiet li jagħtu l-aktar lemħaMediterranja u tradizzjonali, fosthom il-Manikata, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, ir-Rabat u ż-Żurrieq.
‘The Travel Writer’ hija waħda mit-tmien produzzjonijiet li bħalissa huma attivi f’Malta. Din il-produzzjoni qed tara numru mdaqqas ta’ crew magħha, bil-maġġoranza tagħhom huma Maltin u Għawdxin.
Bħala frott tal-istrateġija tal-Kummissjoni tal-Films, il-produzzjoni qed toffri opportunità oħra sabiex il-crew Malti jaħdem, jikber u jinvesti f’karriera sostenibbli fl-industrija tal-films. Fil-fatt din il-produzzjoni hija eżempju ċar ta’ kif il-Kummissjoni tal-Films bl-istrateġija tagħha, fl-aħħar tmien snin irnexxielha ddawwar industrija staġjonali, f’waħda li taħdem kuljum.









Comments