top of page

Xogħlijiet estensivi ta’ restawr tlestew fuq il-bastjun ta’ Santa Liena fil-Fortifikazzjonijiet ta’ Santa Margherita

  • Feb 13
  • 2 min read

 

Id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, kien responsabbli mill-ħidma estensiva ta’ restawr li saret fuq il-bastjun u l-foss ta’ Santa Liena biex tiġi salvagwardjata din il-parti importanti tal-wirt tanġibbli tagħna, b’investiment ta’ kważi €1.7 miljun.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, żaru dan il-proġett ta’ restawr.

 

Il-Ministru Owen Bonnici qal li, “Dan ir-restawr huwa xhieda ċara tal-impenn kontinwu tal-Gvern biex jipproteġi u jsaħħaħ il-wirt storiku u kulturali tagħna. Permezz ta’ investiment sostanzjali, mhux biss qed insalvaw strutturi ta’ valur storiku, iżda qed nassiguraw li dawn jibqgħu parti ħajja mill-identità Maltija għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli sostniet li dan il-proġett kien ilu mixtieq speċjalment mir-residenti tal-Kottonera u li issa ġie mwettaq. “Dan ir-restawr tas-sur, li jagħmel parti mill-wirt tanġibbli ta’ pajjiżna, huwa investiment ieħor li se jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri. Id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni ħadem id f’id mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla sabiex illum qed naraw is-sur jerġa’ jieħu lura l-istat naturali li kien fih."

 

Il-ħitan tal-fortifikazzjoni ta’ Santa Liena tfasslu u nbnew fis-sekli sbatax u tmintax. Kien hemm żoni fejn il-ġebel iddeterjora u kellu bżonn jinbidel biex ma ssirx aktar ħsara. Il-proġett tqassam f’sezzjonijiet li jkopru 460 metru ta’ fortifikazzjonijiet u 340 metru ta’ ħitan tal-foss b’area totali ta’ kważi 10,000 metru kwadru. Ir-restawr ikkonsista fit-tindif ta’ ġebel fejn ġiet ippreservata l-patina oriġinali kull fejn kien possibbli, tneħħija ta’ tikħil li kien sar bis-siment, konsolidazzjoni u mili tal-fili b’taħlita li fiha l-ġir idrawliku. Partijiet mill-ħitan tal-foss li sofrew ħsarat kellhom jinbnew mill-ġdid u ntuża l-ġebel oriġinali fejn kien vijabbli. Il-qsim fil-foss li kien ġie mqatta’ fil-blat issaħħaħ b’teknika ta’ rbit b’studs magħmulin apposta għalhekk.

 

Waqt ir-restawr, ġew skoperti kontramini ġewwa l-ħitan tal-foss ta’ Santa Liena li taw aktar għarfien dwar l-inġinerija militari tas-sit. Fil-proġett ġiet rrestawrata rampa ikkurvata li storikament kienet tagħti lill-militar aċċess għan-naħa ta’ Fuq Verdala u tinfed ukoll mal-polverista tal-kavallieri. Sar ukoll ir-restawr tal-imbrażuni li kienu modifikati mill-Armata Brittannika fil-bidu tas-seklu għoxrin biex jieħdu kanuni ikbar, kif ukoll il-preservazzjoni ta’ sezzjoni li għad fadal minn ċisterni tal-ilma li servew lill-militar Brittanniku stazzjonat fil-barracks tal-Forti Verdala.

 

Għal din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi u s-Sindku ta’ Bormla Marco Agius.


 



 

 
 
 

Comments


bottom of page