Investiment f’xogħlijiet ta’ tisbiħ f’sitt blokok ta’ appartamenti tal-Housing f’Ħ’Attard
- Jul 13
- 1 min read

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ li għaddejjin f’sitt blokok ta’ appartamenti tal-Housing f’Ħ’Attard li se jibbenefikaw minnhom 36 familja u qed isiru b’investiment ta’ madwar €416,000.
Il-Ministru Bonnici qal li dan l-investiment jirrifletti l-impenn tal-Gvern biex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti fil-Housing Estates, filwaqt li jiżgura li dawn il-binjiet residenzjali jinżammu f’kundizzjoni tajba. Huwa żied jgħid li dawn l-interventi mhux biss itejbu d-dehra tal-lokalità, iżda joħolqu wkoll ambjent aktar sigur, aktar nadif u aktar sostenibbli għall-familji li jgħixu f’dawn ir-residenzi.
Permezz ta’ programm iddedikat għal titjib u manutenzjoni ta’ Housing Estates, saru xogħlijiet estensivi fuq il-faċċati, waqt li għaddejjin xogħlijiet oħrajn fuq il-bjut u l-partijiet komuni tal-blokok residenzjali, bil-għan li jitjieb l-istat tal-binjiet u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Fost ix-xogħlijiet li saru f’dawn il-Blokok f’Ħ’Attard hemm l-invjar u t-tindif tal-ġebel fil-faċċati, il-ftuħ tal-fili u t-tikħil, it-tiswija tal-konkos tal-gallariji, tikħil u żebgħa, kif ukoll l-installazzjoni ta’ vent covers. Ix-xogħlijiet tal-faċċati bdew f’fażijiet differenti fi Frar u mistennija jkunu lesti f’Awwissu.
Fuq il-bjut qed isir tindif ġenerali, applikazzjoni ta’ liquid membrane, tikħil u żebgħa tal-opramorti u tat-tromba tat-taraġ minn barra, organizzazzjoni tat-tankijiet tal-ilma u l-pajpijiet, kif ukoll it-tneħħija tal-asbestos fejn meħtieġ. Fil-partijiet komuni se jsir it-tikħil u żebgħa tal-ħitan u s-soqfa interni, żebgħa tar-railings tat-taraġ, tiswija jew titjib tas-sistema tad-dawl u installazzjoni ta’ intercoms ġodda fejn ikun hemm bżonn.
Għal din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Housing Projects Solutions Marisa Marmara u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa.







Comments