top of page

Titnieda skema biex tippromwovi l-użu tajjeb tal-Malti u l-kultura fil-gazzetti



Kitba meħuda mill-Orizzont ( Il-Ġimgħa 31 ta’ Marzu 2023) paġna numru 20


Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ħareġ Skema għall-Gazzetti Stampati permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti u dan bil-għan li tagħti appoġġ għall-assigurazzjoni ta’ kwalità relatata mal-arti, il-kultura, u l-wirt nazzjonali f’gazzetti stampati.


“Permezz ta’ inizjattiva ta’ din is-sura qed nippromwovu l-lingwa Maltija u l-użu korrett tagħha, filwaqt li nkomplu nsaħħu t-tixrid ta’ aktar informazzjoni u tagħrif fuq is-setturi tal-arti, kultura u kreattivi fil-lingwi kollha. Qegħdin nindirizzaw il-bżonn, filwaqt li ninkoraġġixxu aktar ir-rikonoxximent tas-setturi, u r-rwol tagħhom fil-benesseri tas-soċjetà tagħna, billi nagħmluhom aktar aċċessibbli,” stqarr il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.


“Bħala Kunsill qegħdin naħdmu id f’id mal-Ministeru biex noħolqu aktar sinerġiji fis-settur, dan biex inkomplu nsaħħuh kemm bħala pjattaforma, kif ukoll biex inkomplu ninfurmaw lil pubbliku mhux biss dwar l-opportunitajiet li joffri s-settur kulturali u kreattiv, imma wkoll biex insiru nafu aktar dwaru,” qalet id-Direttur Fondi u Strateġija Mary Ann Cauchi waqt it-tnedija.


Din l-iskema għandha 2 fergħat.


Fergħa 1 hi mmirata li toffri appoġġ f’termini ta’ servizzi lingwistiċi għal gazzetti stampati bil-lingwa Maltija. Gazzetti ppubblikati bil-lingwa Maltija se jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja għall-iżvilupp lingwistiku, inkluż l-ortografija u t-titjib tal-espressjoni ġurnalistika, f’termini ta’ stil, ċarezza, sintassi, u semantika.


Fergħa 2 hi mmirata li toffri appoġġ għall-ispejjeż involuti fil-ħolqien ta’ kontenut regolari tal-arti, kultura, u wirt nazzjonali ddisinjat biex jaqsam għarfien lill-qarrejja dwar aspetti kulturali permezz ta’ features, artikli, u materjal viżiv għall-promozzjoni ta’ avvenimenti u proġetti biex jattiraw udjenzi ġodda.


Fergħa 1 għandha baġit ta’ €150,000, b’ ammont massimu eliġibbli ta’ €30,000 għal kull proġett, waqt li Fergħa 2 għandha baġit ta’ €250,000, b’ammont massimu eliġibbli ta’ €30,000 għal kull proġett.


Il-fond jista’ jkopri 100% tal-ispejjeż totali tal-proġett, b’perjodu ta’ massimu ta’ 12- il xahar għall-implimentazzjoni tal-proġett. L-iskadenza ta’ din is-sejħa hija t-23 ta’ Mejju f’nofsinhar, bir-riżultati jiġu ppubblikati fl-4 ta’ Lulju.


Iż-żmien eliġibbli huwa mill-5 ta’ Lulju 2023 sal-4 ta’ Lulju 2024.


bottom of page