top of page

RESTAWR FIL-QALBA TAL-KOMUNITA



Kitba meħuda mill-gazzetta ‘KullHadd’ (Il-Ħadd, 31 ta` Marzu, 2024) paġna numru 12.

 

Fost il-ħafna inizjattivi introdotti mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali żgur li waħda mill-iktar popolari hija ċertament l-iskema tar-Restawr għall-Kunsilli Lokali bil-mira li jiġi apprezzat iktar il-partimonju storiku li nsibu fil-villaġġi u l-bliet madwar Malta.

 

 L-iskema ta’ Restawr ta’ Wirt Storiku li tnediet fl-2015 tipprovdi pjattaform strutturata fejn il-Kunsilli Lokali, ħafna drabi bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku, jissottomettu proposti għar-restawr ta’ bini vernakulari u monumenti li huma ta’ valur kbir għall-komunità tagħhom.

‘‘L-iskema tippermetti lill-Kunsilli Lokali jidentifikaw u jipproponu biex jirrestawraw firxa ta’ binjiet żgħar u monumenti immobbli.

 

L-iskema tippermetti lill-Kunsilli Lokali jidentifikaw u jipproponu biex jirrestawraw firxa ta’ binjiet żgħar u monumenti immobbli oħra meqjusa denji u li jeħtieġu preservazzjoni fil-komunità tagħhom. Hija miftuħa fuq bażi annwali u mmirata l-aktar lejn proġetti żgħar u ta’ daqs medju bħal knejjes żgħar u kappelli, torrijiet, statwi , niċeċ, pillboxes u monumenti storiċi oħra, kif ukoll strutturi u siti storiċi oħra li jinsabu fl-irħula u l-ibliet.

 

 Ir-rwol tal-Kunsill Lokali f’din l-iskema huwa kemm li jidentifika liema proġetti għandhom jiġu magħżula għar-restawr u dan ibbażat fuq il-benefiċċju li r-restawr tagħhom jagħti lill-komunitajiet tagħhom, u kif ukoll li jżomm il-bini/monument restawrat għal perjodu ta’ għaxar snin wara li jitlesta l-proġett. Il-Kunsilli Lokali huma meħtieġa wkoll li jkopru t-tariffi kollha tal-permessi tal-bini, kif ukoll li jiffaċilitaw il-kuntatti mal-entitajiet tasservizz pubbliku. L-iskema titnieda fuq bażi annwali, u tilħaq direttament l-erbgħa u ħamsin Kunsill Lokali ta’ Malta permezz tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali. Naturalment il-Kunsilli Għawdxin jibbenefikaw minn skema simili li joħroġ apposta l-Ministeru għal Għawdex.

 

L-iskema reġgħet inħarġet għal darb’oħra din is-sena, fejn tressqu total ta’ ħamsa u għoxrin proposta ta’ proġetti ta’ restawr minn daqstant ieħor lokalitajiet. Inbeda l-proċess tal-għażla biex iktar tard fis-sena jitħabbru l-proġetti magħżula taħt l-iskema tal-2024.

 

Fit-tmien snin mit-tnedija tal-iskema sal-lum, intgħażlu total ta’ erbgħa u ħamsin proġett ta’ restawr f’wieħed u erbgħin lokalità differenti f’Malta – dan ifisser li 82% tal-Kunsilli Lokali eliġibbli biex jipparteċipaw fl-iskema rnexxielhom ikollhom proposta ta’ restawr li huma ssottomettew li fil-fatt ġiet magħżula. Fuq medda ta’ snin differenti kien hemm disa’ lokalitajiet li kellhom żewġ proġetti li ġew magħżula u żewġ Kunsilli Lokali kellhom suċċess tliet darbiet bilproposti sottomessi tagħhom mit-tnedija tal-iskema fl-2015. L-iskema hija amministrata u eżegwita mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, mill-fażi inizjali tal-ippjanar sal-eżekuzzjoni fuq il-post. Il-preparazzjoni għat-twettiq tal-proġetti magħżula tibda permezz ta’ stħarriġ u studju tal-bini u l-monumenti. Dan ix-xogħol jiġi mwettaq b’tagħmir speċjalizzat għall-iskennjar bil-laser, ikompli bit-tħejjija ta’ applikazzjonijiet għall-ippjanar u kif ukoll issir investigazzjoni xjentifika li aktar tard tinforma l-metodoloġija ta’ intervent għar-restawr li għandha tiġi adottata.

 

Ladarba l-permessi meħtieġa jkunu nġiebu, il-proġetti jsiru mill-ħaddiema tad-dipartiment stess li jinvolvi timijiet multidixxiplinarji ta’ nies tas-sengħa, tekniċi tar-restawr, konservaturi u periti tal-konservazzjoni. Kull proġett huwa ġeneralment imfassal biex jitwettaq fuq ilpost fi żmien li jieħu madwar sitta sa tmien xhur.

 

Sal-lum tlestew kompletament disgħa u erbgħin proġett, li fosthom hemm dsatax-il kappella, erbatax-il niċċa u statwa, żewġ fortifikazzjonijiet mal-kosta, tliet arkati u diversi binjiet storiċi u strutturi oħra. Bħalissa għaddej xogħol fuq ħames proġetti oħra. Dan kollu juri ċar kemm din l-iskema kemm hi verament ta’ suċċess u hi tabilħaqq opportunità oħra għal kollaborazzjoni millqrib bejn entitajiet pubbliċi u komunitajiet lokali b’għan komuni li biha nkunu qed nagħtu ħajja ġdida lill-binjiet storiċi li jżejnu l-ibliet u l-irħula tagħna.

 


bottom of page