top of page

TEATRU MIMLI GĦALL-EWWEL SERATA TAL-OPRA TOSCA

Kitba meħuda mill-Orizzont (Il-Ħamis 9 ta’ Marzu 2023) paġna numru 12.



Nhar il-Ħadd tela’ s-separju fuq l-akbar opra li qatt ittellgħat fit-Teatru Manoel u l-ewwel waħda bis-sehem ta’ orkestra sinfonika sħiħa



Udjenza numeruża nhar il-Ħadd imliet il-Manoel għal ftuħ tal-opra Tosca ta’ Giacomo Puccini.


B’teatru mimli, din il-produzzjoni tal-opra tant mistennija hija l-akbar waħda s’issa għat-Teatru Manoel u l-ewwel opra sħiħa wara l-pandemija, li tat spinta lil din it-tradizzjoni annwali tant maħbuba.


Din il-produzzjoni li mhux ta’ min jitlifha – baqgħalha biss żewġ prestazzjonijiet oħra fl-10 u t-12 ta’ Marzu – hija riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn żewġ entitajiet kulturali pubbliċi, it-Teatru Manoel u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta; bis-sehem tal-Malta Philharmonic Orchestra, u KorMalta flimkien mal-kor tat-tfal tal-Malta School of Music.


Iċ-Chairman tat-Teatru Manoel Dr Michael Grech u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv Edward Zammit, flimkien maċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef u l-Kap Eżekuttiv Catherine Tabone, laqgħu lill-mistednin fuq it-tapit l-aħmar. Fost l-udjenza kien hemm, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ambaxxatur Taljan, l-Eċċellenza Tiegħu Fabrizio Romano.


“L-opra annwali fl-aħħar rritornat fuq il-palk tal-Manoel – u x’ritorn dak!” qal Dr Grech. “L-opra tibqa’ waħda mill-aktar ġeneri ambizzjużi u kumplessi tal-arti tal-ispettaklu, u bħala teatru żgħir ma konniex inkunu nistgħu nwettqu proġett bħal dan mingħajr għajnuna esterna. Aħna mhux biss grati lejn dawk li jappoġġjawna, iżda wkoll lejn l-artisti barranin u lokali kemm fuq il-palk kif ukoll lil hinn, li emmnu fil-viżjoni tagħna u kienu lesti li jimbarkaw magħna fuq dan il-vjaġġ.”


Il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici wera wkoll ir-ringrazzjament tiegħu. “Produzzjonijiet kbar ta’ din l-iskala jinvolvu xogħol iebes, dedikazzjoni u passjoni, u nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lill-artisti, lill-istaff u lill-fornituri tas-servizzi kollha li ħadmu bla heda biex joħolqu din l-esperjenza eċċezzjonali għalina lkoll. Nittama li din il-produzzjoni titgawda minn dawk kollha li jattendu uli tkompli tispira u tarrikkixxi l-paesaġġ kulturali tagħna.”


Din il-produzzjoni l-ġdida, b’disinn u direzzjoni tal-istilla internazzjonali tal-opra, it-tenur Arġentin José Cura, li fiha jinterpreta r-rwol ta’ Cavaradossi hija l-ewwel waħda fil-Manoel li fiha orkestra sinfonika sħiħa, permezz tad-disinn tal-palk ta’ Mro Cura li jagħmel użu innovattiv mill-ispazju limitat.


L-opra klassika hija storja traġika ta’ passjoni, għira, imħabba u qtil, hekk kif il-kantanta tal-opra tempestuża Floria Tosca tissielet biex issalva lill-maħbub tagħha Cavaradossi mill-kap tal-pulizija korrott, Scarpia. Cura jidher bħala Cavaradossi fil-produzzjoni tal-Manoel, bis-sopran Bulgara Tanya Ivanova bħala Tosca u Carlos Almaguer bħala Scarpia. Magħhom jingħaqad kast b’saħħtu lokali fosthom Alan Sciberras, Albert Buttigieg, Louis Cassar u Nadia Vella, filwaqt li l-kor minn KorMalta b’direzzjoni tas-Surmast tal-kor Riccardo Bianchi, il-kor tat-tfal tal-Malta School of Music taħt id-direzzjoni ta’ Marouska Attard, u l-Malta Philharmonic Orchestra mmexxija minn Mario De Rose.


“L-Opra għandha s-setgħa li tikkomwovi, li ddawwal u li tispira, u aħna onorati li qed naqsmu din l-esperjenza singulari mal-komunità,” qal Jason Micallef. “Ċedu għall-mużika sublimi ta’ Puccini u d-direzzjoni viżjonarja ta’ Cura u idħlu fid-dinja indimentikabbli ta’ waħda mill-akbar opri ta’ kull żmien. Dan huwa avveniment li se jibqa’ mniżżel fil-memorja tiegħek għas-snin li ġejjin.”


Fi tmiem is-serata, Cura rringrazzja lit-tim b’saħħtu li ħadem wara l-kwinti, għax-xogħol siewi u d-dedikazzjoni tagħhom b’aċċenn partikolari fuq l-artist tal-palk tat-teatru Marco Bartolo, li ser jirtira wara ħidma ta’ 30 sena fil-Manoel.


Il-prestazzjonijiet ta’ Tosca ta’ Giacomo Puccini jkomplu t-Teatru Manoel fl-10 u t-12 ta’ Marzu 2023, fis-7.30 p.m. Din il-produzzjoni hi adattata għal udjenzi ta’ 14-il sena ’il fuq. Biljetti jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku www.teatrumanoel.mt jew b’email minn bookings@teatrumanoel.mt u bit-telefon fuq (+356) 21246389.



bottom of page