top of page

Sitt ħatriet ġodda fil-Ġudikatura



Il-Kabinett tal-Ministri approva l-ħatra ta’ sitt membri ġodda fil-Ġudikatura: tliet imħallfin u tliet maġistrati. Kull isem ġie preċedentement approvat mill-Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti skont kif trid il-Kostituzzjoni.


B’hekk, l-ammont ta’ imħallfin se jkun ta’ 24 waqt li l-ammont ta’ maġistrati se jibqa’ dak ta’ 22.

Imqabbel ma’ sitt snin ilu, jekk wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-ħatra ta’ Lorraine Schembri Orland bħala Imħallef fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-irtirar imminenti bl-età tal-Imħallef Silvio Meli, l-ammont ta’ imħallfin żdied bi 2 filwaqt li l-ammont ta’ maġistrati żdied bi 2. Din iż-żieda qed tgħin biex jiġi assigurat servizz aħjar għaċ-ċittadini li jirrikorru l-Qorti u tagħti possibilità għal iktar speċjalizzazzjoni fost il-Ġudikatura.


L-imħallfin il-ġodda se jkunu l-Imħallef Francesco Depasquale, l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri u l-Imħallef Aaron Bugeja. Il-maġistrati l-ġodda se jkunu Dr Nadine Lia, Dr Victor Axiak u Dr Bridget Sultana.


B’dawn il-ħatriet il-ġodda l-ammont ta’ nisa fil-ġudikatura huwa ta’ 53 fil-mija.


IMĦALLFIN ĠODDA

Dr Francesco Depasquale

Dr Depasquale laħaq avukat fl-1995 u segwa l-istudji tiegħu b’Masters fil-Liġi Marittima b’distinction mill-International Maritime Law Institute fi ħdan l-IMO.

Meta kien student huwa kien attiv kemm fi ħdan l-Għaqda Studenti tal-Liġi, il-European Law Students Association u l-Kunsill Studenti Universitarji.


Huwa serva fil-Malta Maritime Law Association u fil-Kamra tal-Avukati.


Huwa nħatar maġistrat fl-2011 u sena wara ġie elett Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u Maġistrati ta’ Malta.


Dr Depasquale ilu sa mill-2007 jirrappreżenta lil pajjiżna fuq l-Assoċjazzjoni Ewropea dwar l-Effiċjenza fil-Ġustizzja (CEPEJ) fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa.


Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.


Dr Joanne Vella Cuschieri


Dr Vella Cuschieri laħqet avukat fl-2001 u kompliet l-istudji tagħha b’Magister Juris fid-dritt Ewropew.


Hija ħadmet bħala avukat fil-prattika privata u bħala konsulenta legali dwar il-liġijiet tax-xogħol u tal-ippjanar. Serviet ukoll fuq il-Qorti tal-Konċiljazzjoni u l-Arbitraġġ fi ħdan l-OSCE.


Dr Vella Cuschieri laħqet maġistrat fl-2014 fejn serviet estensivament fil-Qorti ta’ Għawdex.

Hija miżżewġa u għandha tlett itfal.


Dr Aaron Bugeja


Dr Aaron Bugeja laħaq avukat fl-1995 u segwa l-istudji tiegħu b’M.A. fil-Liġi fl-2012.

Wara karriera fil-prattika privata, huwa ħadem bħala prosekutur fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali (2006-2013) sa ma nħatar maġistrat fl-14 ta’ Lulju 2013.


Huwa ilu sa minn Ottubru tal-2007 jgħallem il-proċedura kriminali fi ħdan l-Università ta’ Malta bħala senior visiting lecturer. Huwa rrappreżenta lil pajjiżna f’diversi strutturi internazzjonali marbuta mad-dritt penali.


Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.


MAĠISTRATI ĠODDA


Dr Nadine Lia

Dr Nadine Lia laħqet avukat fl-2004 u sentejn wara saret ukoll barrister fil-ġurisdizzjonijiet tal-Ingilterra u Wales.


Wara li ħadmet għal xi żmien bħala membru tal-korp diplomatiku, hija ħadmet bħala barrister ma’ Middle Temple Inn ta’ Londra.

 

Hija studjat fl-Università ta’ Malta, fl-Università ta’ Western Ontario l-Kanada u fl-Università ta’ Canterbury f’Kent, il-Gran Brittanja.  


Wara, ħadmet fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ta’ Malta bħala prosekutur u imbagħad bħala avukat fil-prattika privata fejn anke tat konsulenza fuq il-liġi tan-negozji tal-familja.

Dr Lia tgħallem il-liġi fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta u ngħatat diversi rikonoxximenti internazzjonali għax-xogħol tagħha.


Hija miżżewġa u għandha żewġt itfal.


Dr Victor Axiak

Dr Axiak laħaq avukat fl-2005 u kompla l-istudji tiegħu fil-kamp tat-taxxa mal-Istitut Malti dwar it-Tassazzjoni.


Huwa ħadem fil-prattika privata fuq oqsma marbuta mal-liġi kummerċjali u dik ċivili.

Serva għal diversi snin bħala konsulent legali tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni u dak li kien magħruf bħala d-Dipartiment tal-Artijiet. Huwa ħadem ukoll estensivament fil-kamp tal-liġi tal-immigrazzjoni.


Dr Axiak huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.


Dr Bridgette Sultana

Dr Sultana laħqet avukat fl-1995.


Hija għamlet karriera twila fis-Servizz Pubbliku bħala avukat fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u llum tokkupa l-kariga ta’ direttur responsabbli mis-servizzi legali f’dan il-ministeru fejn ħadmet estensivament fl-aspetti legali tal-kamp tal-mediċina.


Studjat l-Università ta’ Malta u kompliet l-istudji tagħha b’M.A. mill-Università ta’ Cardiff.

Hija segwiet ukoll b’suċċess korsijiet u programmi fl-Università ta’ Rotterdam u l-Università ta’ Harvard.


Dr Sultana għandha żewġt itfal.



bottom of page