top of page

Żieda fil-pagi u allowances ġodda għall-ħaddiema tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet

  • 6 days ago
  • 2 min read

 

Żewġ ftehimiet kollettivi ġodda ġew iffirmati bejn l-Aġenzija Għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet u l-General Workers Union (GWU).  Permezz tagħhom il-ħaddiema fl-iskali kollha ta’ din l-aġenzija se jibbenefikaw minn żieda fil-pagi tagħhom u introduzzjoni ta’ allowances ġodda li jirrikonoxxu r-rwol u l-ħidma tagħhom.

 

L-iffirmar ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet kollettivi kien ippresedut mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney.

 

Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif dawn il-ftehimiet kollettivi qed jintroduċu żidiet fil-pagi u allowances għall-impjegati kollha ta’ din l-Agenzija, bil-għan li jittejbu l-pakketti ta’ kumpens u benefiċċji tagħhom b’mod ġenerali. Huwa tenna li l-iskop ta’ dawn il-ftehimiet kollettivi m'huwiex biss wieħed finanzjarju. Bħal kull ftehim ieħor, jipprovdu gwida ċara dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, obbligi u d-drittijiet li għandhom iħarsu lill-istess ħaddiema u jipprovdu garanzija u serħan il-moħħ għall-impjegati kollha.

 

"Dan huwa sinjal qawwi ta’ Gvern li jinvesti fil-ħaddiema u fil-ħidma li huma jwettqu. Irridu noħolqu ċertezza fuq il-post tax-xogħol għax hija fundamentali sabiex kull ħaddiem jikber u jimraħ.  Kull ħaddiem fis-settur pubbliku għandu jkun ivvalorizzat għax ilkoll niffurmaw katina sabiex nkomplu ntejbu s-servizzi li qed jingħataw.  Illum qegħdin hawn f’Aġenzija pjuttost żgħira imma b’irwolimportanti fejn jidħol is-sjieda (ownership) tal-proprjetà.  Isir ħafna xogħol siewi sabiex isiru r-riċerki u jinħarġu t-titli fuq il-proprjetajiet li bihom jistgħu jkunu garantiti loans u titli," temm jgħid il-Ministru Bonnici

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet, il-Perit Michelle Piccinino, tenniet li dan il-ftehim huwa pass importanti għall-Aġenzija li tinsab fi żmien kritiku ta’ riforma u aġġornament tas-servizzi.

 

"Illum ukoll qed ikun mniedi branding ġdid għall-Aġenzija, l-ewwel pass f’dak li hemm mħejji għal din l-entità li trid tiġġedded sabiex tkun tista’ ttejjeb is-servizzi tagħha għaċ-ċittadini.  Apparti t-tisħiħ tal-pagi u l-allowances, il-ftehimiet kollettivi li ġew iffirmati issa jiggarantixxu karrieri lill-impjegati kollha tal-Aġenzija, kif ukoll għandhom issaħħu l-pożizzjoni ta’ din l-entitàsabiex tattira ħaddiema ġodda li jkomplu jsaħħu l-kumpliment tal-ħaddiema li sal-lum jammonta għal 50 uffiċjal u jippermettu li jkompli jitjieb is-servizz," qalet il-Perit Piccinino.



 
 
 

Comments


bottom of page