top of page

Sitt professjonisti jingħataw Warrant jew Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju

  • Feb 11
  • 1 min read

 

F’ċerimonja uffiċjali, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ppreżenta Warrant jew Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju lil sitt professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni u tar-restawr tal-patrimonju kulturali.

 

Dan iċ-Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju qiegħed jinħareġ għall-ħames darba mill-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi, li jfisser li sal-lum ingħataw dan iċ-ċertifikat total ta’ 63 professjonist, u għandu l-għan li jirregola x-xogħlijiet relatati mal-attivitajiet marbuta mal-professjoni tal-konservaturi u tar-restawraturi u dan anke kif jistipula l-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali, Kapitlu 445.

 

Fir-rigward taċ-ċertifikat tal-Warrant, illum ingħata lil professjonist ieħor u għaldaqstant it-total ta’ Warrants maħruġa tela’ għal 64.

 

Għall-ewwel darba l-Bord qed jagħti Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju (Heritage Skills Certificate) fil-qasam tal-Pittura. Fil-passat wieħed seta’ biss japplika għall-Warrant fil-qasam tal-pittura iżda l-Bord se jibda jagħti l-opportunità li wieħed jista’ japplika wkoll għall-Heritage Skills Certificate fil-qasam tal-pittura.

 

Il-Ministru Owen Bonnici spjega li bis-saħħa ta’ dawn iċ-Ċertifikati tal-Warrant kif ukoll tal-Ħila ta’ Patrimonju mogħti mill-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi, l-abbiltajiet ta’ dawn il-professjonisti qed jiġu rikonoxxuti.

 

Waqt li indirizza lill-konservaturi u lir-restawraturi fil-preżenza tal-Bord, il-Ministru Bonnici saħaq li peress illi x-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr ta’ oġġetti ta’ valur kulturali jeħtieġ li jsir bl-aħjar mezzi, materjal, galbu u etika, l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali jesiġi li biex wieħed iwettaq dan it-tip ta’ xogħol jeħtieġ li jkollu Warrant jew Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju maħruġ skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali.

 

Il-Ministru Bonnici kkonkluda billi rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom tul iż-żmien, partikolarment liċ-Chairperson tal-Bord Dr Joseph Buttigieg u lill-kumplament tal-Bord li kien strumentali biex illum qed nirrikonoxxu dawn il-professjonisti billi jingħataw Warrant jew Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju.



 
 
 

Comments


bottom of page