top of page

SAN GIRGOR: IL-WEGĦDA MALTIJA TA’ 480 SENA GĦALL-PAĊI EWROPEA LURA BIL-KBIR WARA TLIET SNIN



Kitba meħuda mill-gazzetta ‘KullHadd’ (Il-Ħadd, 9 t`April, 2023) paġna numru 14 u 15.


L-ewwel Erbgħa fuq l-Għid il-Kbir titfakkar tradizzjoni lokali meta tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Girgor, anke jekk fl-aħħar tliet snin kienet ristretta għall-aħħar kawża tal-pandemija tal-COVID-19. Il-festa, li hi marbuta wkoll mal-ftuħ tal-istaġun tal-għawm, twieldet minn wegħda reliġjuża tal-poplu Malti biex ikun hemm il-paċi fil-kontinent Ewropew f’nofs is-Seklu 16. Tlett ijiem oħra l-festa se tkun qed tirritorna bil-kbir, grazzi għal programm kulturali mid-Direttorat tal-Kultura li tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici (inset) u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli (inset).


Għalkemm tiġi ċċelebrata f’dan iż-żmien, il-festa ta’ San Girgor m’għandha l-ebda relazzjoni mal-Għid. Fil-bidu kienet issir fit-12 ta’ Marzu, iżda minħabba li ġeneralment tinzerta fir-Randan, fi żmien l-Isqof Labini (1780-1807) kienet ittieħdet id-deċiżjoni li titmexxa għal ġurnata wara l-Għid.


Din il-festa tradizzjonali tmur lura 480 sena u kienet f’forma ta’ pellegrinaġġ li jinvolvi bosta konfraternitajiet mill-parroċċi kollha madwar Malta. Eluf ta’ nies kienu jinġabru għal dan il-pellegrinaġġ li għalih kien jieħu sehem il-kleru kollu tal-pajjiż u kien jinvolvi mixja twila mill-Imdina saż-Żejtun fejn imbagħad kien isir iddaqq tal-kitarri u l-għannejja Maltin, ikel u logħob antik, fosthom ukoll it-tombla.


Il-qofol dejjem kienet tkun quddiesa kkonċelebrata bil-kbir u li kienet ittul fil-ħin. Peress li f’din il-festa kien jinqala’ ħafna tilwim fuq in-normi tal-preċedenza, fl-1927 l-Isqof Mawru Caruana (1915-1943) kien ħareġ edit li minn dik is-sena ma ssirx aktar kif kienet qabel, imma min irid jista’ jorganizza l-pellegrinaġġ fil-parroċċa tiegħu.


L-oriġini tagħha għal ħafna żmien ma kienx ċert għax kien hemm ħafna raġunijiet differenti għal din il-festa. Hemm min isostni li din il-festa bdiet bħala ringrazzjament lil Alla li ħeles lil pajjiżna mill-pesta fl-1519.


Kien hawn ukoll min isostni li darba kien hemm maltempata kbira u peress li ma saritx ħsara fin-naħat taż-Żejtun, saret din il-wegħda. Oħrajn qalu li dak iż-żmien flotta Torka, li kienet ġejja tattakka lil Malta, inqerdet proprju permezz tal-maltempata u allura bdiet issir din il-purċissjoni bħala ringrazzjament. Diversi minn dawn it-teoriji fil-fatt insibuhom miktubin f’numru ta’ kotba.


Madanakollu, snin ilu, il-Patri Dumnikan Dun Mikiel Fsadni rnexxielu jiskopri meta bdiet din il-purċissjoni u għaliex. Hu sab din l-informazzjoni waqt li kien qiegħed jagħmel riċerka f’xi dokumenti tal-Kurja. Fil-fatt, irriżulta li din il-purċissjoni votiva kien ordnaha l-Isqof Cubelles (1541- 1566) fl-1543 (ftit snin qabel l-Assedju l-Kbir) bħala talba lil Alla biex issaltan il-paċi fost il-pajjiżi Ewropej fi żmien ta’ periklu kbir. F’dak iż-żmien wegħdi ta’ pellegrinaġġi simili kienu komuni ħafna.


Fiż-żminijiet li bdiet, ftit li xejn kien ikun hawn festi u ċelebrazzjonijiet. Qabel lanqas il-baned ma kienu jeżistu. Waqt xi festa, kienet issir quddiesa kantata u purċissjoni qasira, jekk kienu jagħmlu, u daqshekk.


Għaldaqstant, il-festa ta’ San Girgor kienet waħda kbira u importanti. Mas-se bħ fl-Imdina kien jiġi sparat tir u minn hemm kienu jitilqu l-monsinjuri bil-mixi. Kienu jaslu l-ewwel sal-Marsa u mbagħad Ħal Tarxien. Fl-istess ħin, mill-parroċċi kollha ta’ Malta kienu jitilqu l-kleru, il-qassisin u l-patrijiet kollha bl-ilbies u l-istandardi partikolari tagħhom.


Kienet festa mill-ikbar, l-akbar festa ta’ Malta.Tant kienet ikkunsidrata din il-festa f’dawk iż-żminijiet, li fil-kitba taż-żwieġ, l-għarus kien iwiegħed lill-għarusa li kien se jeħodha għall-festa ta’ San Girgor u għal dik tal-Imnarja. Wara li nbniet il-knisja parrokkjali li hemm illum, kif kienu jaslu quddiemha, il-fratellanzi kienu jbaxxu l-istandardi u kienet teżisti d-drawwa li tfajliet jiġu mistiedna għaż-żwieġ. Hemmhekk kienu jkantaw l-antifona ta’ Santa Katerina u mbagħad kienu jibqgħu sejrin sal-Knisja ta’ San Girgor biex jagħmlu l-quddiesa, li għadha ssir sal-lum.


F’Għawdex ukoll hemm din il-festa tradizzjonali. Fir-raħal ta’ Kerċem dan il-qaddis hu meqjus bħala kotitulari u kienu joħorġu purċissjoni għax hemm statwa tiegħu. Din kienet meqjusa bħala festa pubblika u hu maħsub li kienet bdiet fl-1852. Sal-1967 f’dik il-festa kien jiġi sparat kanun fl-erbgħa ta’ filgħodu li kien jimmarka li l-festa se ssir għax kien ikun il-bnazzi. Fiż-żmien tal-lum din il-festa tilfet ħafna mill-importanza tagħha u l-biċċa l-kbira ta’ dawk li jieħdu sehem imorru dirett Marsaxlokk biex jiddevertu u xi wħud jazzardaw jieħdu l-ewwel għawma tas-sena.


Wara nuqqas mill-2020, nhar l-Erbgħa se jerġa’ jittella’ programm kulturali għal din il-festa tradizzjonali hekk kif id-Direttorat tal-Kultura ngħata l-inkarigu li jibda jieħu ħsieb dawn il-festeġġjamenti. Fil-programm, li tnieda f’konferenza stampa li saret fiż-Żejtun, se ssir enfasi kbira dwar l-aspett tradizzjonali tal-festa antika. Il-Ministru Bonnici qal li hu essenzjali li bħala Gvern isir ix-xogħol meħtieġ ħalli festi tradizzjonali, bħalma hi San Girgor, jibqgħu jimxu ’l quddiem u jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Hu saħaq li fit-tfassil tal-programm tal-attivitajiet marbutin ma’ din il-festa tradizzjonali, id-Direttorat tal-Kultura ħadem id f’id mal-Kunsilli Lokali taż-Żejtun u ta’ Marsaxlokk.


“B’dan il-mod se nkunu qed norbtu dan l-aspett tradizzjonali Malti ma’ qawmien ta’ kuxjenza ta’ aspetti tal-wirt intanġibbli ta’ pajjiżna, bħall-ftira tradizzjonali Maltija u bħall-għana, li ġew rikonoxxuti fil-lista rappreżentattiva tal-UNESCO,” irrimarka l-Ministru.


Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli saħqet dwar ir-rwol importanti li għandhom l-attivitajiet kulturali fis-soċjetà u spjegat li dawk marbutin ma’ San Girgor jgħinu fil-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali, jagħtu spinta lill-ekonomija lokali u jrawmu koeżjoni soċjali.


Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, tnediet dehra ġdida għad-Direttorat tal-Kultura, bħala parti minn proċess ta’ ristrutturar intern, b’logo ġdid ispirat mid-disinn tal-maduma tradizzjonali Maltija. Id-Direttorat hu responsabbli mit-tfassil u mill-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali tal-Kultura, waqt li jippromwovi l-edukazzjoni u r-riċerka fil-qasam tal-kultura, bil-għan li jingħata spazju u jkunu mħarsa kulturi marġinali u l-komunitajiet.




bottom of page