Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali
Il-wirt storiku li għandu pajjiżna rridu nħarsuh għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Dan hu wkoll, wara kollox, dak li wegħedna fil-programm elettorali tagħna.
Fl-aħħar snin għamilna investiment massiċċ fir-restawr tal-patrimonju soċjokulturali u reliġjuż ta’ pajjiżna. Dan mhux biżżejjed u għad hemm xi jsir. Il-programm ta’ restawr ta’ wirt storiku ser jitkompla fis-snin li ġejjin.
L-għan prinċipali ta’ dan il-Gvern hu li jibqa’ jivvalorizza l-wirt storiku li jinsab fil-komunitajiet tagħna u li tant hu għal qalb il-familji li joqogħdu fil-lokalitajiet rispettivi. Ir-restawr qiegħed hemm sabiex jagħti nifs u ħajja ġdida lill-wirt storiku tagħna. Partikolarment qiegħed hemm sabiex dak li seta baqa’ fi stat ta’ abbandun jew użat b’mod mhux xieraq jiġi rrestawrat u jkun interpretat bl-aqwa mod.
Hawn min isejjaħ dan il-kunċett “Bauhaus”. Jien insejjaħlu ġejjieni sostenibbli.
Permezz ta’ proġett wara ieħor qed nagħtu lura lill-pubbliku aspetti varji tal-wirt tanġibbli tagħna b’mod sostennibbli, bis-saħħa ta’ dawn il-postijiet u monumenti storiċi nkunu qed nippreservaw il-wirt kulturali Malti għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, filwaqt li ngħollu l-valur tal-lokalitajiet tagħna għar-residenti u t-turisti li jżuru dawn il-lokalitajiet.
Din il-ġimgħa, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, ħabbarna li 13-il wirt storiku, li jvarjaw minn statwi, niċeċ, monumenti, kappelli, u strutturi storiċi partikolari u li jinsabu f’diversi rħula u komunitajiet ser ikunu qed jibbenefikaw minn restawr permezz ta’ skema apposta li titmexxa mid-Direttorat tar-Restawr b’konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali.
Din is-sena ttieħdet deċiżjoni biex jiġu implimentati t-13- il proġett eliġibbli fuq perjodu ta’ sentejn u dan għaliex ġew sottomessi diversi proposti b’saħħithom li kienu jimmeritaw kunsiderazzjoni pożittiva.
Din kienet is-seba’ sejħa tal-Iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali. Mill-bidu ta’ din l-iskema fl-2015, tlestew 30 proġett madwar Malta u bħalissa għaddej ix-xogħol fuq 10 proġetti oħra. Total ta’ 38 lokalità differenti diġà bbenefikaw taħt l-Iskema.
Il-proġetti kollha huma esegwiti mill-impjegati tad-Direttorat tar-Restawr matul il-fażijiet kollha tagħhom, u jibdew mid-dokumentazzjoni tagħhom (li twassal għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar meħtieġ) sat-twettiq fuq il-post tax-xogħlijiet ta’ restawr meħtieġa.
Il-Kunsilli li se jibbenefikaw minn din l-iskema huma r-Rabat, iż-Żejtun, Ħal Lija, San Ġwann, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Kirkop, Ħal Għargħur, il-Fgura, Santa Venera, Ħal Tarxien, Marsaskala, iż-Żurrieq u x-Xgħajra.
Proġetti bħal dawn ikomplu juru biċ-ċar l-impenn tal-Gvern lejn il-wirt kulturali fil-lokalitajiet tagħna. Dawn iż-żoni jridu jkunu aċċessibbli għal kull min iżurhom filwaqt li jiġi ppreservat il-wirt storiku, kulturali u intanġibbli li jinsab fihom.
Dan il-Gvern impenjat li jkompli jwettaq inizjattivi oħra li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr, u r-riabilitazzjoni ta’ fortifikazzjonijiet u postijiet storiċi fuq bażi regolari minn diversi entitajiet fi ħdan il-ministeru. Dan ir-restawr jissodisfa l-istrateġija kulturali tagħna b’mod li wirna jkun aktar aċċessibbli kif ukoll għat-tisħiħ tal-lokalitajiet tagħna.
Pereżempju, parti sinifikanti tal-wirt mibni li għandna mferrex madwar gżiritna huwa ddefinit minn arkitettura militari. Għaldaqstant, numru vast minn dawn il-proġetti li twettqu jew qed jitwettqu mid-Direttorat tar-Restawr saru wkoll bil-għan li dawn il-fortifikazzjoni storiċi jiġu rrestawrati u miżmuma fl-aqwa tagħhom.
Preżentament qed isiru riabilitazzjonijiet ta’ sistemi munumentali ta’ fortifikazzjonijiet li jdawru l-Port il-Kbir; dawk tal-Kottonera u l-Forti ta’ Santa Margerita (Firenzuola), Forti Rikażli u l-Furjana. Kif ukoll qed isir investiment f’restawr fuq il-Victoria Lines u xogħlijiet oħra fuq fortifikazzjonijiet oħra li jinsabu mal-kosta.
Ir-restawr tal-bini storiku u l-wirt kulturali tanġibbli tagħna huwa essenzjali għal futur aħjar. Aħna kommessi li nkomplu nwettqu d-differenza.
Comments