top of page

L-Intelliġenza Artifiċjali fi proġett Malti dwar il-kejl tat-temperatura ta’ wiċċ il-baħar


L-Intelliġenza Artifiċjali fiċ-ċentru ta’ proġett Malti dwar il-kejl tat-temperatura ta’ wiċċ il-baħar


Għal darb'oħra riċerkaturi Maltin qed jagħmlu d-differenza bis-saħħa ta' investiment fit-talenti tagħhom

Ix-xjenzati ilhom ħafna jistudjaw it-temperatura ta’ wiċċ il-baħar u l-effett ta’ din fuq l-atmosfera tad-dinja. Jagħmlu hekk għax dak li jseħħ hemmhekk iħalli effett fuqna u fuq il-ħajja tagħna u għalhekk hu fl-interess tagħna li jkollna l-informazzjoni kollha possibbli.

It-tifsira eżatta ta’ ‘wiċċ il-baħar’ tvarja skont il-metodu ta’ kejl użat, iżda normalment tirreferi sa 20 metru taħt il-wiċċ tal-baħar. Mases tal-arja fl-atmosfera tad-dinja huma affetwati ħafna mit-temperaturi tal-wiċċ tal-baħar.

It-temperatura ta’ wiċċ il-baħar tinbidel matul il-ġurnata, bħat-temperatura tal-arja ta' fuqu, iżda dejjem sa grad inqas. Fil-fatt ikun hemm inqas varjazzjoni fit-temperatura ta’ wiċċ il-baħar fi ġranet biż-żiffa milli fi ġranet kalmi. Barra minn hekk, il-kurrenti tal-oċean, jistgħu jeffettwaw din it-temperatura wkoll b’mod sinifikanti u dan jgħodd għall-biċċa l-kbira tal-oċeani.

Fatt interessanti fil-fatt huwa li t-temperaturi tal-wiċċ tal-art żdiedu aktar malajr mit-temperaturi tal-oċeani peress li l-oċean jassorbi madwar 92% tas-sħana żejda ġġenerata mit-tibdil fil-klima.

It-temperatura tal-oċean hija relatata mal-kontenut tas-sħana tal-oċean, suġġett importanti fl-istudju tat-tibdil fil-klima.

It-temperaturi ta’ wiċċ il-baħar f’postijiet viċin tal-kosta jistgħu jikkawżaw riħ lil hinn mix-xtut biex jiġġeneraw dak li bl-Ingliż issejjaħ ‘upwelling’, li jista' jkessaħ jew isaħħan b'mod sinifikanti l-art fil-qrib, iżda l-ilmijiet baxxi fuq blata kontinentali ħafna drabi jkunu aktar sħan.

It-tkejjil ta’ dawn il-valuri huwa importanti ħafna għat-tbassir tat-temp peress li t-temperatura ta’ wiċċ il-baħar tinfluwenza l-atmosfera bħal fil-formazzjoni tar-riħ tal-baħar u ċpar tal-baħar. Dan il-kejl jintuża wkoll biex jikkalibra kejl mis-satelliti tat-temp.

Għalhekk dak li jseħħ sa 20 metru taħt il-baħar iħalli effett kbir fuq l-għixien tagħna lkoll. Huma diversi r-riċerkaturi li jistudjaw dawn it-temperaturi u ma jistax jonqos li bħala gzira aħna wkoll nagħtu l-kontribut tagħna f’dan is-settur.

Il-Proġett SAT-FIRE

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici qalilna dwar proġett ta’ riċerkaturi Maltin bl-isem ta’ SAT-FIRE (SATellite data Fusion and Imaging Resolution Enhancement for coastal areas). Dan il-proġett ta’ riċerka jittratta propju dan is-suġġett u jippermetti li permezz tal-Intelliġenza Artifiċjali titkejjel it-temperatura ta’ wiċċ il-baħar b’iktar dettall.

“Bis-saħħa ta’ €150,000 f’fondi għar-riċerka, tim ta' tliet riċerkaturi mill-Università ta' Malta rnexxielhom itejbu r-riżoluzzjoni tad-dejta dwar it-temperatura tal-wiċċ tal-baħar bl-użu ta' tekniki ta’ Intelliġenza Artifiċjali (IA). Dan ifisser li d-dejta miġbura tkun tista’ tintuża aħjar għall-osservazzjoni tat-tibdil fil-klima u t-tbassir tat-temp,” qalilna l-Ministru Bonnici.

“Dawn it-tip ta’ satelliti jistgħu jkunu bħal kameras li jieħdu stampi tal-kulur simili għal dawk li nieħdu mit-tieqa tal-ajruplan bl-ismartphone tagħna, jew kameras termali, li jkejlu s-sħana li toħroġ mis-superfiċje tad-dinja,” kompla jgħidilna l-Ministru.

Il-Ministru sostna li l-kisba li għamlu dawn ir-riċerkaturi hija ta’ importanza kbira u hija rikonoxxuta internazzjonalment.

Il-Ministru Owen Bonnici rringrazzja ferm lill-Aġenzija Spazjali Ewropea għall-għarfien tekniku li kontinwament tipprovdi flimkien mal-Iskema tal-Fond għar-Riċerka Spazjali. Fil-fehma tal-Ministru Bonnici l-appoġġ ta’ din l-aġenzija huwa strumentali biex dawn il-proġetti ta' riċerka jsiru possibbli.

L-Importanza tar-Riċerka Spazjali

Huwa fatt magħruf li ħafna mill-invenzjonijiet li llum saru parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum jafu l-bidu tagħhom propju lir-riċerka spazjali. Nistgħu nsemmu pereżempju il-Global Positioning System (GPS) li llum tinsab fuq kull karozza u fuq il-maġġoranza tal-mowbajls li nużaw ta’ kuljum, filters tal-ilma, il-Cochlear Implant u saħansitra l-memory foam, fost ħafna ħafna oħrajn.

Saqsejna lill-Ministru Bonnici dwar ir-riċerka spazjali f’Malta. Il-Ministru spjega li: “Ii-riċerka spazjali għandha potenzjal enormi li għadna bil-kemm bdejna niskopruh. Din tista’ tgħinna nsibu soluzzjonijiet innovattivi għal problemi li jaffetwawna fil-ħajja ta’ kuljum. Permezz tar-riċerka spazjali nkunu nistgħu niksbu informazzjoni aħjar li tgħinna fl-assessjar ta’ perikli ambjentali, fl-immaniġġjar tar-riżorsi naturali u biex nifhmu aħjar il-bidliet fil-klima u l-effett li dawn qed iħallu fuq l-ambjent.”

“Fil-kas ta’ dan il-proġett,” kompla l-Ministru, “qed naraw li permezz tiegħu se jkun aktar possibbli li x-xjentisti jiksbu d-dettalji neċessarji biex ibassru avvenimenti bħal temp estrem, u allura jkunu jistgħu jipprevjenu ħsara u anke mwiet li dawn jistgħu jikkawżaw, billi jilqgħu għalihom fil-ħin. Dan il-proġett se jippermetti wkoll li jkun studjat aħjar it-tibdil fil-klima li ukoll hemm bżonn li jiġi ffaċċjat b’mod urġenti għall-ġid tad-dinja kollha.”

Il-Ministru Bonnici kompla: “Meta nsemmu riċerka spazjali, ma rridux infissru neċessarjament xi vettura spazjali jew xi vjaġġ għall-qamar. Fil-fatt l-għadd ta' satelliti li qed jorbitaw il-pjaneta tagħna qiegħed dejjem jikber. Dawn qiegħdin hemm biex jimmonitorjaw il-kundizzjonijiet ambjentali, ġeofiżiċi u atmosferiċi li qed jinbidlu b'mod kostanti. Dawn is-satelliti għandhom kameras sofistikati abbord li jistgħu jintużaw biex jaqbdu immaġini tad-Dinja hekk kif tgħaddi s-satellita.”

Il-proġett SAT-FIRE sar permezz ta’ finanzjament mill-ewwel Fond Nazzjonali għar-Riċerka Spazjali. L-investigatur prinċipali dwar dan il-proġett huwa Dr Ing. Gianluca Valentino, bil-ko-investigaturi jkunu Dr Ing Reuben Farrugia mid-Dipartiment tal-Komunikazzjoni u l-Inġinerija tal-Kompjuter u Dr Anthony Galea mid-Dipartiment tal-Geosciences fl-Università ta' Malta.

“Għal darb’oħra għalhekk qed naraw lill-Universita’ ta’ Malta tkun minn ta’ quddiemnett fejn tidħol ir-ricerka li tagħmel differenza mhux biss mil-lat akkademiku imma anke għall-pajjizna,” qal il-Ministru Bonnici u spjega li hu fl-interess ta’ Malta li jkollna l-iktar informazzjoni preciza fuq il-livelli ta’ temperatura ta’ taħt il-baħar għax dan kollu jaffettwa il-ħajja tagħna fuq l-art.

Huwa qal li dan hu talent li aħna kburin bih u li rridu nagħmlu dak kollu possibbli biex inkomplu nsaħħuh. “Dan it-talent, meta abbinat ma’ finanzjament iwassal biex, bħal f’dan il-kaz, isir ħafna ġid,” spjega Dr Bonnici.

Il-Proġett SAT-FIRE huwa ffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, permezz tal-Fond għar-Riċerka Spazjali.




bottom of page