• Team Owen Bonnici

L-Artisti b'workshops biex iressqu La Biennale di Venezia aktar qrib l-istudenti Maltin




It-tliet artisti li qed jieħdu sehem fil-Padiljun ta’ Malta fit-58 edizzjoni tal-wirja internazzjonali tal-arti La Biennale di Venezia bħalissa qed imexxu workshops lil studenti f’Malta u Ċipru.


Vince Briffa, Trevor Borg u Klitsa Antoniou qegħdin jippreżentaw workshop kreattiv kull wieħed, ibbażat fuq l-installazzjonijiet artistiċi tagħhom li se jkunu esibiti fil-Padiljun ta’ Malta f’Venezja bejn Mejju u Novembru ta’ din is-sena.


Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li, “grazzi għal fatt li qed nagħmlu aspett internazzjonali ta’ livell għoli tal-Kunsill Malti għall-Arti aċċessibbli għall-istudenti tagħna, nistgħu nkomplu nedukaw u nrawmu kultura artistika tal-aħjar livell, li tħares kemm lejn avvenimenti internazzjonali u nazzjonali. Dan l-investiment ipoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tas-settur artisiku, imma jagħti wkoll kontribut biex nedukaw lit-tfal tagħna fuq l-apprezzament tal-arti, biex iwessgħu l-orizzonti fejn jidħol l-esportazzjoni tat-talent tagħhom.” Bonnici għamel referenza għal fatt li dawn il-workshops qed jittellgħu f’Għar Dalam, b’mod li jintuża dan is-sit storiku uniku sabiex inkomplu nsaħħu l-kunċett internazzjonali fuq livell lokali.

“Dan se jkun ġest ta’ importanza unika mill-Padiljun Nazzjonali ta’ Malta, wieħed li jafferma l-importanza ta’ impenn pubbliku fl-arti għal kull età,” qal il-President Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall.

Permezz ta’ dan il-programm ta’ involviment, it-tfal, studenti tas-sixth form, kif ukoll studenti Universitarji f’Malta u f’Ċipru se jipparteċipaw f’sett ta’ workshops kreattivi biex jesploraw il-kunċett tal-Padiljun ta’ Malta. L-istudenti se jipproduċu wkoll l-arti tagħhom stess.


Workshop tal-Prof. Vince Briffa, li se jsir bejn Frar u Novembru, se jiffoka fuq l-istallazzjoni tal-film tiegħu ‘Outland’. Il-workshops jiddirieġu lill-istudenti biex jieħdu approċċ awto-riflessiv u introspettiv f’xogħolhom, u jisfidaw lilhom infushom biex jaħdmu barra miż-żoni tal-kumdità tagħhom f’varjetà ta’ media.

L-artist Trevor Borg mexxa wkoll workshop fil-Grotta ta’ Għar Dalam ma’ studenti mill-iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar.


Il-workshop kien jikkonsisti minn attività animata li tgħid l-istejjer ġewwa l-grotta segwita minn workshop kreattiv. Wara dan, l-istudenti għaddew fil-kamra edukattiva għal workshop prattiku kreattiv. L-artist introduċa l-istudenti mal-Biennale tal-Arti ta’ Venezja u t-tema tal-Padiljun ta’ Malta għall-2019, u spjega l-kompitu tal-workshop u flimkien mal-assistenza ta’ membri oħra tat-team, l-istudenti ħolqu l-fdalijiet ta’ annimali immaġinarji mit-tafal.


Il-workshop l-ieħor mill-artista Klitsa Antoniou qed isir f’Ċipru ma’ studenti tal-arti tal-ewwel sena tad-Dipartiment tal-Arti fl-Università tat-Teknoloġija ta’ Ċipru. Wara introduzzjoni dwar l-installazzjoni ta’ Klitsa fil-Padiljun ta’ Malta - Atlantropa X, l-istudenti jingħataw l-ipoteżi li għandhom jibnu pont fuq il-baħar. L-ewwel se jwettqu r-riċerka permezz tal-użu ta’ tpinġijiet u kostruzzjonijiet żgħar b’diversi materjali.

Maleth / Haven / Port - Heterotopias of Evocation huwa t-titlu tal-proġett kuratur magħżul li se jirrappreżenta lil Malta f’La Biennale di Venezia li jmiss fl-2019.


It-team rebbieħ huwa magħmul minn Dr Hesperia Iliadou Suppiej (kuratur mexxej), Vince Briffa (artist), Klitsa Antoniou (artista), Trevor Borg (artist) u l-Perit Matthew Joseph Casha (perit/disinjatur). Il-manager tal-produzzjoni huwa s-Sur George Lazoglou.


Il-Biennale tal-Arti ta’ Venezja hija waħda mill-akbar wirjiet tal-arti kontemporanja fid-dinja, u Malta għal darb’oħra se tipparteċipa bil-Padiljun tagħha stess matul it-58 edizzjoni ta’ din il-wirja tal-arti internazzjonali.


Il-workshops qed isiru bl-appoġġ tal-Bank of Valletta.

  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo