Il-wirja “Eżiljati, Ċaqliq, Migratorju u Solidarjetà” b’aċċenn fuq l-immigrazzjoni fil-Unjoni Ewropea
Kitba meħuda mill-Orizzont (Ħamis 19 ta`Mejju 2022) paġna numru 6.
Wirja li qiegħda tittella’ bħala parti mill-proġett European Digital Treasures, proġett ko-finanzjat mill-programm Creative Europe tal-Unjoni Ewropea hija “Eżiljati, Ċaqliq Migratorju u Solidarjetà”. Din il-wirja tħares lejn l-isfidi li qiegħda tiffaċċja l-Unjoni Ewropa u l-popli ta’ dan il-kontinent minħabba ż-żieda ta’ dan l-aħħar fl-immigrazzjoni. Filwaqt li tipprova tistudja dan il-punt kruċjali mil-lat storiku, din il-wirja tinkludi 47 dokument li fihom sensiela ta’ ġrajjiet storiċi li jirriflettu dawn it-temi.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif din l-wirja tiġbor ġabra ta’ ħames arkivji nazzjonali (Malta, Spanja, Portugall, Ungerija, Norveġja), ICARUS (International Centre for Archival Research, Awstrija) u l-Munster University of Technology (Irlanda).
F’kumment li ta lil L-ORIZZZONT, il-Ministru Bonnici saħaq li l-aċċess għall-arti u l-kultura huwa dritt fundamentali tal-bniedem u b’hekk wirjiet bħal dawn huma ta’ importanza kbira. Huwa żied li, “b’hekk inkomplu nżommu l-kultura bħala parti integrali minn ħajjet pajjiżna u se nkomplu nagħtuha l-importanza mistħoqqa”.
Dokumenti li jikxfu l-ħażen uman…
Uħud mill-immigranti li jaslu fl-Ewropa jkunu qegħdin ifittxu ħajja aħjar. Oħrajn huma refuġjati jew qegħdin ifittxu l-ażil, anzjużi biex jaħarbu mill-gwerra u mid-dittatorjat. F’dan ir-rigward, il-Ministru Bonnici qal li għaddejjin dibattiti mqanqla mal-Ewropa kollha biex ikun stabbilit kif l-aħjar tkun indirizzata din il-kriżi tal-immigrazzjoni. Qegħdin isiru mistoqsijiet importanti ħafna. Kemm huma lesti l-popli biex iżommu lil dawk li waslu mimlija tama u fil-bżonn? Kemm hija lesta s-soċjetà biex turi solidarjetà ma’ dawn in-nies? Kemm qiegħda tingħata importanza d-diversità u t-taħlit kulturali li joħorġu minn din il-migrazzjoni bejn pajjiż u ieħor?
Permezz tas-47 dokumenti fil-wirja, wieħed jiltaqa’ ma’ terminoloġija li sfortunatament hija familjari ħafna fl-Istorja riċenti u fl-Istorja internazzjonali; kliem u frażijiet bħal ripressjoni, persekuzzjoni, kenn politiku, kampijiet tar-refuġjati, razziżmu, anti-semitiżmu, tindif etniku u ġenoċidji.
Uħud minn dawn id-dokumenti jikxfu tassew il-ħażen fin-natura umana. Imma fl-istess ħin, hemm ukoll aspetti li jitfgħu xaqq ta’ dawl. Ċerti termini bħal empatija, tolleranza, altruwiżmu, karità u solidarjetà għandhom posthom f’dawn ir-rakkonti. Ħafna minnhom jaċċennaw il-kontribuzzjoni pożittiva li l-immigranti taw lejn is-soċjetà fejn huma kienu milqugħha.
Id-dokumenti huma maqsuma fi tliet kategoriji. L-ewwel kategorija hija dwar dik il-migrazzjoni li għandha x’taqsam max-xogħol u turi stejjer li mhux biss huma ċ-ċaqlieq ta’ individwi jew gruppi, imma wkoll it-trasferiment ta’ kompetenza barranija, li ħafna minnha kienet utli għall-iżvilupp ekonomiku u kulturali.
It-tieni taqsima tagħti ħarsa lejn il-migrazzjoni marbuta mal-gwerer. Għal din il-wirja, ingħażlu wħud li jagħtu ħarsa lejn xi konflitti, minn ribelljoni u gwerer ċivili sal-gwerer dinijin tas-Seklu 20.
It-tielet taqsima tikkonċentra fuq dokumenti li għandhom x’jaqsmu mal-prezz imħallas minn min kien involut f’irvellijiet politiċi u persekuzzjoni. Hemm ħafna materjal fuq din it-tema, imxerred fuq diversi sekli. Imma kif sar fiż-żewġ taqsimiet l-oħra, l-aċċenn qiegħed isir fuq il-lat uman ta’ dawn l-istejjer.
Arkivji Ewropej huma ta’ wirt imprezzabbli
Il-Ministru Bonnici qal li, “għaldaqstant, bis-saħħa ta’ dawn is-sorsi arkivistiċi wieħed jibda jifhem u jħares lejn il-passat bħala s-sisien. F’ħafna mill-każijiet, is-sorsi huma relatati ma’ individwi jew gruppi, għall-inqas f’ċerti livelli”
Din l-għażla turi wkoll il-varjetà kbira ta’ materjal li jista’ jiġi kkonsultat fl-arkivji Ewropej. Dawn jinkludu fost oħrajn digrieti, editti, ċensimenti, djarji, ittri, disinni, tpinġija, ritratti, kartelluni, rapporti, fuljetti, rekords tas-servizz, dispaċċi, suppliki jew talbiet u diskorsi.
Huwa qal li bis-saħħa ta’ dawn is-sorsi oriġinali, “nisperaw li din il-wirja sservi biex wieħed jirrifletti fuq id-Dikjarazzjoni Universali tal-Arkivji maħruġa mill-UNESCO, li tgħid li l-arkivji għandhom rwol important u essenzjali fl-iżvilupp tas-soċjetà billi jħarrsu u jagħtu sehem sħiħ lill-memorja individwali u komuni. Id-Dikjarazzjoni tagħmel enfasi wkoll meta taċċenna li l-ftuħ u l-aċċess għall-arkivji isaħħah l-għerf tas-soċjetà, jippromwovi d-demokrazija u jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja.”
Il-Ministru Bonnici temm jgħid li l-arkivji Ewropej joffru wirt imprezzabbli ta’ materjal u li “qiegħed hemm biex jintuża minn kulħadd. Huwa ttamat li dawk li jżuru din il-wirja jieħdu l-opportunità biex jaraw il-preżent fid-dawl tal-passat. Forsi fl-aħħar wieħed jista’ jibda jitgħallem u jibda jinħeles bil-mod minn ċikli sħaħ ta’ intolleranza, biżgħa, vjolenza u persekuzzjoni”
Din il-wirja hija waħda minn serje ta’ tlieta bl-ewwel waħda kienet “Il-Bini tal-Ewropa” li nżammet bejn Frar u April li għadda, mentri bejn Awwissu u Settembru li jmiss se tittella’ t-tielet wirja “Skoperti Ewropej”.
コメント