top of page

Kif nistgħu ntejbu l-kwalità tal-ħajja u l-benesseri wara l-pandemija?

“Il-benesseri tal-poplu għalina huwa prijorita’ numru wieħed”



Qabel tmiem ix-xahar ta’ Ġunju, l-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni Dr Owen Bonnici nieda l-istrateġija ta’ pajjiżna għal wara l-pandemija.


Din l-istrateġija għandha l-għan li twieġeb tliet domandi prinċipali u għamlet dan bis-saħħa ta' 114-il inizzjattiva differenti maqsuma fi tliet taqsimiet. L-ewwel domanda hi: kif nistgħu ntejbu l-kwalita’ tal-ħajja u l-benesseri wara l-pandemija?


Tkellimna mal-Ministru Bonnici dwar dan biex insiru nafu iktar x’qed tipproponi l-istrateġija f’dan ir-rigward.


Il-Ministru Bonnici spjegalna li l-COVID-19 hija kriżi tas-saħħa qerrieda, li laqtet kemm is-saħħa fiżika kif ukoll il-benesseri mentali, b’impatti kbar fuq il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, il-pazjenti u s-sistemi tas-saħħa fuq livell globali.


“Filwaqt li l-impatt fiżiku huwa evidenti, l-effetti psikoloġiċi għadhom l-biċċa l-kbira mhux magħrufa, bl-esperti jwissu dwar il-potenzjal ta’ pandemija tas-saħħa mentali aktar ’il quddiem,” qal il-Ministru Bonnici.


Huwa spjega li l-kura tas-saħħa minn dejjem kienet prijorità ewlenija għal Malta, u infatti aħna għamilna waħda mill-akbar żidiet n-nefqa tas-saħħa ras għal ras fl-UE matul l-aħħar għaxar snin. L-istatistika turi li ċ-ċittadini Maltin jqattgħu 90% ta’ ħajjithom f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba u l-popolazzjoni tgawdi minn waħda mill-itwal stennijiet ta’ ħajja fl-UE.


Madankollu, qal il-Ministru Bonnic, hemm ukoll sfidi li rridu nindirizzaw. Pereżempju, kważi tnejn minn kull ħames imwiet f’Malta jistgħu jiġu attribwiti għal fatturi li għandhom x’jaqsmu mas-stil ta’ ħajja.


“L-obeżità hija identifikata bħala riskju ewlieni għas-saħħa,” spega l-Ministru Bonnici, “ u r-rati f’Malta issa huma l-ogħla fl-UE kemm għall-adulti kif ukoll għat-tfal. Terġa’, studju mill-Federazzjoni Dinjija tal-Obeżità jiżvela rabta b’saħħitha bejn l-obeżità u konsegwenzi aktar serji tal-infezzjoni COVID-19.”


Huwa qal li l-impatt tal-pandemija fuq il-qagħda tas-saħħa tal-popolazzjoni għadu mhux magħruf u għalhekk hemm bżonn inġeddu l-enfasi nazzjonali fuq il-benesseri aħna u nħarsu ’l quddiem.


Dr Bonnici qal li ll-problemi tas-saħħa mentali jibqgħu fost l-akbar sfidi għas-saħħa pubblika u ngħataw prijorità fi ħdan l-istrateġiji nazzjonali tas-saħħa.


“Qabel il-pandemija, kien magħruf li aktar minn nofs il- popolazzjoni ġenerali batiet minn disturb mentali mill-inqas darba f’ħajjitha. Ir-restrizzjonijiet matul il- pandemija kkawżaw effetti psikoloġiċi wesgħin, mis-solitudni għall-ansjetà soċjali, u hemm tħassib li s-saħħa mentali se tkompli tmur għall-agħar l-gruppi tal-etajiet kollha, inkluż it-tfal,” qal Dr Bonnici.


Il-Ministru Bonnici spjega li l-innovazzjoni teknoloġika ngħatat spinta matul il-kriżi tal-COVID.

“Għalkemm it-telemediċina ilha disponibbli għal bosta għexieren ta’ snin, kellha tkun il-pandemija biex imbuttat lill-fornituri tas-saħħa u l-pazjenti jaċċettawha u jaddottawha b’mod ġenwin, appoġġjati mill-fatt li -istess waqt ġew skjerati rekords elettroniċi tal-pazjenti,” qal il-Ministru Bonnici.


Huwa faħħar il-fatt li twaqqfu żewġ ċentri tat-telemediċina biex joffru kura virtwali, u bosta tobba żiedu l-użu ta’ għodod ta’ komunikazzjoni diġitali bħala l-ewwel forma ta’ interazzjoni mal-pazjenti.


“Intuża wkoll apparat robotiku wkoll biex tingħata spinta lill-kapaċità tal-ittestjar,” qal Dr Bonnici. “Dawn l-avvanzi huma żviluppi pożittivi li l-pajjiż jista’ jibni fuqhom għall-futur, biex joħloq aċċess aħjar għas-servizzi tas-saħħa u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi.”


Dr Bonnici spjega li l-impatt ta’ bosta fatturi fuq is-saħħa sar saħansitra aktar prominenti waqt il-pandemija. Għaldaqstant, huwa kruċjali li d-determinanti soċjali tas-saħħa jiġu indirizzati b’mod ħolistiku biex minnhom joħorġu riżultati pożittivi għas-saħħa u l-benesseri tas-soċjetà.

L-istrateġija tipproponi erba’ oqsma tematiċi u disgħa u tletin inizzjattiva sabiex ntejbu l-kwalità tal-ħajja u l-benesseri.


Il-Ministru Bonnici jispjega: “Il-pandemija wrietna biċ-ċar l-importanza tas-saħħa u l-benesseri. Il-prijorità immedjata tagħna hija li nikkontrollaw u nipprevjenu l-virus, imma rridu wkoll insaħħu l-benesseri t-tul taċ-ċittadini, pereżempju billi nħeġġu lin-nies jieklu aħjar, jagħmlu iktar eżerċizzju, u jitkellmu l-beraħ dwar kwistjonijiet ta’ saħħa mentali,” qal Dr Bonnici.

Dr Bonnici beda biex semma l-ambjent urban u naturali. “L-ambjent urban u naturali pjaċevoli għandu rwol kruċjali għas-saħħa, l- kuntentizza u l-kwalità tal-esperjenza turistika li noffru,” qal Dr Bonnici, “ u għalhekk qed ngħidu li se naddottaw approċċ aktar koeżiv, sostenibbli u li jħares ’il quddiem fl-ippjanar u fl-iżvilupp b’mod li jikkumplimenta l-ibliet u l-wirt kulturali tagħna, jipproteġi u joħloq spazji ħodor pubbliċi, u jsaħħaħ l-infrastruttura biex iċ-ċikliżmu u l-mixi jkunu sikuri u pjaċevoli.”


It-tieni ħaġa importanti, qal Dr Bonnici, hi li ssir evalwazzjoni tal-impatt sħiħ tal-pandemija fuq is-soċjetà Maltija.


“Din hija biċċa xogħol kbira imma essenzjali. Se nniedu studji dettaljati biex nifhmu x’għajnuna jeħtieġu partijiet differenti tas-soċjetà u kif l-aħjar li nipprovduha,” qal Dr Bonnici.

Il-Ministru Bonnici spjega li l-istrateġija tara li bħala pajjiż nappoġġjaw ukoll lill-istudenti biex ilaħħqu mat-tagħlim li tilfu.


Ukoll, qal il-Ministru Bonnici, sabiex inżommu l-ispirtu ta’ komunità li kien prominenti matul il-pandemija, l-istrateġija ta’ pajjiżna għal wara l-pandemija se trawwem il-koeżjoni u l-ekwità soċjali fis-soċjetà Maltija kollha.


“pereżempju billi nagħtu lil persuni vulnerabbli aċċess akbar għal opportunitajiet ta’ taħriġ u impjieg u bit-tisħiħ ta’ programmi ta’djalogu interkulturali, spjega l-Ministru Bonnici.

Huwa qal li l-benesseri tal-poplu huwa prijorita’ numru wieħed għal dan il-Gvern għaliex dan għandu rabta qawwija mal-kuntentizza tal-familji Maltin u Għawdxin.


bottom of page