Jitħabbru d-dettalji tat-tieni edizzjoni tal-inizjattiva ‘minn Pjazza għal Pjazza’
- 6 days ago
- 2 min read

Matul ix-xhur li ġejjin se tkun qed tittella’ t-tieni edizzjoni tal-inizjattiva ‘minn Pjazza għal Pjazza’, li se tara l-pjazez ta’ diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex jimtlew bil-ħajja. Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali se terġa’ tkun qed tiffinanzja sensiela ta’ attivitajiet li se jsiru b’kollaborazzjoni ma diversi Kunsilli Lokali. Dan wara l-ħruġ ta’ espressjoni ta’ interess fost il-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex fejn kienu 43 il-kunsilli lokali li applikaw sabiex ikunu parti minn din l-inizjattiva.
F’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa, ġie spjegat li din l-inizjattiva għandha l-għan li toħloq esperjenzi artistiċi u kulturali fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u ċioè l-pjazez. Il-pjazez ta’ diversi lokalitajiet se jkunu qed jinbidlu f’ċentri ta’ kreattività u laqgħat komunitarji. Dan kollu permezz ta’ sensiela ta’ spettakli, films lokali u attivitajiet interattivi.
Il-programm kulturali u komunitarju, se jkun taħt id-direzzjoni artistika ta’ Daniel Cauchi b’kollaborazzjoni kontinwa mal-Kunsilli Lokali. Kull lokalità se jkollha programm uniku ispirat mill-identità u l-istorja tagħha.
Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Din hija inizjattiva sabiħa u meħtieġa li terġa’ tqiegħed il-pjazza fil-qalba tal-komunità. Meta ninvestu f’attivitajiet ta’ kwalità li jġibu lin-nies flimkien, inkunu qed inżommu ħajjin it-tradizzjonijiet tagħna u fl-istess ħin noħolqu spazji moderni ta’ espressjoni u kreattività. Prosit lil-lokalitajiet kollha li pparteċipaw u lil kull min qed jaħdem biex isaħħaħ il-ħajja kulturali fil-lokalitajiet tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelliqalet li dawn l-attivitajiet se jkunu qed jikkumplimentaw inizjattivi oħra tal-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex u b’hekk ikompli jiġi mżewwaq l-kalendarju artistiku u kulturali ta’ pajjiżna b’attivitajiet ta’ kwalità s-sena kollha.
“Dan hu mod kif niċċelebraw l-identità kulturali Maltija bil-parteċipazzjoni tal-komunità bil-għan li l-kultura u l-arti tkun aċċessibbli għal kulħadd. Bil-kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, il-Gvern qed jagħti l-opportunità lill-familji Maltin u Għawdxin iqattgħul-ħin ta’ mistrieħ tagħhom mal-familjari u mal-ħbieb minn Pjazza għal oħra fil-lokalitajiet sbieħ tagħna,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Is-Segretarju Parlamentari temmet tgħid li dan huwa investiment fil-komunitajiet tagħna, investiment fil-Kultura u l-Arti, fl-artiġġjanat u fuq kollox investiment fir-residenti kollha fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Intant, il-lokalitajiet li ser ikunu qed itellgħu dawn l-attivitajiet bejn Mejju u Novembru huma Ħal Kirkop, is-Swieqi, Ħal Safi, Ħal Lija, Ħad-Dingli, ix-Xagħra, Tas-Sliema, Ħal Għaxaq, Pembroke, is-Siġġiewi, l-Imqabba, iż-Żurrieq, Paola, il-Belt Valletta u Bormla.
Ritratti: DOI/MCLG







Comments