top of page

Jitnieda proġett pilota ta’ sottotitli għall-aħbarijiet

  • Apr 8
  • 2 min read

 

Bħala parti mill-proġett SaqWI – korpus ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet iffinanzjat mill-fergħa AI for Good Lab tal-Microsoft – iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti (ĊIM), b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Università ta’ Malta, se jkun qiegħed jiżviluppa datasetinnovattiv li jkompli jsaħħaħ il-preżenza tal-lingwa Maltija fid-dominju diġitali u b’hekk tnieda Proġett Pilota ta’ SottotitliAwtomatizzati għall-Aħbarijiet. Is-sistema se tibda tintuża b’mod pilota waqt il-bullettin tal-aħbarijiet tas-6:00pm, fejn is-sottotitli ġġenerati awtomatikament jiġu vverifikati u rfinati qabel ix-xandir tat-8:00pm.

 

Dan il-korpus se jinbena fuq bejn 100 u 150 siegħa ta’ traskrizzjoni, b’użu ta’ data awdjo u awdjoviżiva mill-arkivji tal-PBS, u b’hekk jiġi żgurat li d-data tkun kompletament lokalizzata u marbuta mal-kuntest Malti – inkluż il-kultura, l-istorja u r-realtajiet tal-pajjiż – aktar milli sempliċi traduzzjoni minn datasets barranin.

 

Sabiex jitwettaq dan kollu, ġie ffirmat ftehim bejn it-TVM u ċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, fil-preżenza tal-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, li jkompli jsaħħaħ l-impenn biex il-Malti, kemm mitkellem kif ukoll miktub, jibqa’ jinżamm u jiġi promoss bl-ogħla standards ta’ kwalità.

 

Il-Ministru Owen Bonnici, qal “Dan il-proġett huwa pass ieħor importanti biex niżguraw li l-lingwa Maltija tibqa’ relevanti u preżenti fl-iżviluppi teknoloġiċi tal-lum u ta’ għada. Permezz tal-intelliġenza artifiċjali, qed inkomplunagħtu vuċi lill-Malti f’dominji ġodda, filwaqt li nsaħħu l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni għal kulħadd. Din l-inizjattiva turi b’mod ċar kif il-wirt lingwistiku tagħna jista’ jimxi id f’id mal-innovazzjoni.”

 

Sabiex din id-data tinbidel f’test miktub, se tintuża t-teknoloġija ta’ Speech-to-Text tal-Microsoft, li permezz tal-intelliġenza artifiċjali tikkonverti diskors mitkellem f’kitba. Dan il-proċess mhux biss se joħloq korpus ta’ valur, iżda wkoll se jikkontribwixxi għat-titjib kontinwu tal-istess teknoloġija għal-lingwa Maltija.

 

Kemm il-proġett SaqWI kif ukoll l-introduzzjoni tas-sottotitlijallinjaw mal-Viżjoni Malta 2050, b’mod partikolari mal-makromiżura 82, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-ħiliet lingwistiċi fil-Malti u tiżgura li l-lingwa nazzjonali jkollha rwol attiv u sħiħ fit-teknoloġiji diġitali u tal-intelliġenza artifiċjali.

 
 
 

Comments


bottom of page