top of page

Jitlesta x-xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja ddedikata lit-Twelid tal-Madonna f’Ħal Lija




Intemm ix-xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja ddedikata lit-Twelid tal-Madonna (tal-Belliegħa) f’Ħal Lija taħt il-gwida tad-Direttorat tar-Restawr. Din il-knisja hija waħda minn għaxar proġetti taħt l-iskema tal-Kunsilli Lokali u kien ġie propost mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija.


Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli waqt konferenza tal-aħbarijiet.


Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr tal-ħidma tagħhom favur binjiet storiċi. “Proġetti bħal dawn ikomplu juru biċ-ċar l-impenn tal-Gvern lejn il-wirt kulturali fil-lokalitajiet tagħna. Dawn iż-żoni jridu jkunu aċċessibbli għal kull min iżurhom filwaqt li jiġi ppreservat il-wirt storiku, kulturali u intanġibbli li jinsab fihom,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.


Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija u Kunsilli Lokali oħra li għamlu użu tajjeb minn din l-iskema ta’ restawr fejn ipproponew binjiet storiċi fil-lokalità tagħhom biex jiġu restawrati. Hija ħeġġet lill-Kunsilli Lokali oħra biex jersqu ’l quddiem bi proposti u proġetti ta’ restawr għaliex huma jafu l-aħjar x’inhuma l-bżonnijiet tal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.




Is-Sindku tal-lokalità ta’ Ħal Lija Anthony Dalli tenna “Permezz ta’ dawn l-iskemi qed nieħdu ħsieb il-wirt kulturali ta’ pajjiżna. Bħala Kunsill applikajna għal aktar restawr f’Ħal Lija biex b’hekk inkomplu nsebbħu l-lokalità tagħna”.


Il-knisja ddedikata lit-Twelid tal-Madonna (tal-Belliegħa) tmur lura sal-1747 meta ġiet mibnija minnflok waħda ddedikata lill-Lunzjata. Ix-xogħol kollu fuq dan il-proġett sar mid-Direttorat tar-Restawr.


Il-Perit responsabbli mix-xogħlijiet Mark Azzopardi ta spjegazzjoni tax-xogħol kollu li sar. Ix-xogħol kien jinkludi intervent sabiex jitneħħa l-periklu minħabba ħsara lil-lanterna, tiswija tad-deffun tal-koppla, l-bejt tal-knisja u s-sagristija, tibdil u tiswija tat-twieqi, tindif tal-faċċata, tikħil tal-fili u tibdil ta’ ġebel li kien iddeterjora.


Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Membri tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija u l-Kappillan Fr Joe Cilia.










bottom of page