top of page

Jitlesta r-restawr fuq parti mill-fortifikazzjonijiet tal-Port il-Kbir fil-Furjana



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar it-tlestija tar-restawr tal-Lunetta ta’ San Franġisk li jifformaw parti mill-fortifikazzjonijiet tal-Port il-Kbir fil-Furjana. “Permezz ta’ dan l-investiment qegħdin inkomplu nsaħħu l-wirt tagħna u l-legat tiegħu, u grazzi għal proġetti ta’ restawr ta’ din is-sura nistgħu nkomplu nagħmlu dan. Id-Direttorat tar-Restawr attwalment qiegħed jagħmel bosta xogħlijiet ta’ interventi ta’ restawr biex nissalvagwardjaw l-istorja tanġibbli tagħna għall-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk li ġejjin,” qal il-Ministru Owen Bonnici waqt iż-żjara tiegħu fejn il-Lunetta ta’ San Franġisk.


Il-Lunetta ta’ San Franġisk tagħmel parti mill-medda ta’ fortifikazzjonijiet li jħarsu lejn il-Port il-Kbir u kienet qed turi sinjali ta’ deterjorament. Il-fortifikazzjonijiet jagħmlu parti minn dawk li ġew iddisinjati mill-Inġinier Taljan Pietro Paolo Floriani, tinsab quddiem is-sur ta’ San Franġisk u hija l-parti aħħarija tal-fortifikazzjonijiet tal-Furjana ta’ din in-naħa. Dawn il-fortifikazzjonijiet imorru lura għas-seklu sbatax madanakollu kien hemm xi bidliet li saru matul iż-żmien. Din il-biċċa tidher li tifforma parti mill-bini oriġinali tal-bidu.


Il-proċess ta’ deterjorament esperjenzat mill-fortifikazzjonijiet huwa riżultat ta’ numru ta’ fatturi fosthom kxif għall-elementi, kontaminazzjoni tal-melħ (raxx tal-baħar u umdità) u attakki bioloġiċi fost l-oħrajn. L-interventi li saru indirizzaw il-periklu li jġib miegħu id-deterjorament tal-ġebel u t-tiġrif ta’ xi partijiet tal-Lunetta u inkludew il-konsolidazzjoni strutturali tal-ġebel maqlugħ, l-istabilizzazzjoni tal-blat, it-tibdil ta’ interventi li saru qabel, tindif, tikħil u l-applikazzjoni ta’ velatura trasparenti.


Dan ix-xogħol sar mid-Direttorat tar-Restawr, b’investiment ta’ €100,000.




bottom of page