top of page

Maratona ta’ Qari fil-Librerija Pubblika Ċentrali




 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici attenda għall-Maratona ta’ Qari fil-Librerija Pubblika Ċentrali, fil-Furjana.  Din il-maratona ġiet organizzata bħala parti mill-programm ta’ attivitajiet marbuta mal-ġimgħa ddedikata lil-libreriji, liema ġimgħa taħbat mal-Jum Dinji tal-Ktieb u l-Jeddijiet tal-Awtur.

 

Il-ministru faħħar din l-inizjattiva favur il-qari fejn spjega li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn tkompli titqajjem iżjed kuxjenza u għarfien fost it-tfal dwar il-qari. Huwa qal ukoll li l-gvern huwa kommess li jkompli jrawwem iżjed imħabba lejn il-ktieb.

 

Ħafna awturi, librara u kollaboraturi qraw silta bil-Malti minn kotba, drammi jew poeżiji tal-għażla tagħhom matul il-maratona ta’ qari li kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha. Huma qraw bla waqfien għal kwarta kull wieħed mid-9 ta’ filgħodu sad-9 ta’ filgħaxija. Fost il-qarrejja kien hemm nies minn diversi oqsma, inkluż numru ta’ mistiedna speċjali li qraw xogħlijiet tagħhom stess kif ukoll kitbiet li ħallew impatt fuqhom bħala professjonisti fl-oqsma rispettivi.

 

Matul dan il-jum, is-self tal-kotba mil-Librerija baqa’ għaddej sad-9pm.



 




bottom of page