top of page

Jintlaħaq ftehim biex ikun żgurat li kull ċittadin Malti u Għawdxi jkollu aċċess għat-televiżjoni

Jintlaħaq ftehim biex ikun żgurat li kull ċittadin Malti u Għawdxi jkollu aċċess bażiku għat-televiżjoni mingħajr ħlas




Kitba meħuda mill-Orizzont (It-Tlieta 28 ta’ Marzu 2023) paġna numru 20


Ġie ffirmat ftehim bejn il-PBS Ltd u l-kumpanija GO plc bi pjan koerenti u inklussiv ta’ kif is-servizz ta’ trasmiżżjoni bl-aerial ikun sostnut u jiġi estiż biex b’hekk jiġi assigurat li l-familji Maltin u Għawdxin jibqgħu jgawdu dan id-dritt. Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim il-kumpanija GO plc se tkompli tipprovdi l-infrastruttura teknika għal dan is-servizz għall-10 snin li ġejjin u dan b’investiment ta’ €1.5 miljun. Dan il-ftehim isegwi kampanja ta’ riċerka li saret sabiex jiġi stabbilit b’mod kwalitattiv l-użu kurrenti tas-servizz tradizzjonali tal-aerial minn diversi familji u individwi, bil-għan illi eventwalment inħoloq pjan fit-tul għas-snin li ġejjin, kif qed isir fiż-żmien preżenti b’dan il-ftehim. B’kollox kienu ftit iktar minn 4,000 familja li matul il-proċess ta’ riċerka kwalitattiva ddikjaraw li jagħmlu użu mis-servizz tal-aerial biex jaraw l-istazzjonijiet “free-to-air”, b’iktar minn nofshom jiddikjaraw li jagħmlu użu mill-aerial flimkien ma’ servizzi oħra. Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li s-servizz “free-to-air” huwa importanti għax jibqa’ jipprovdi aċċess ta’ aħbarijiet, informazzjoni, programmi u divertiment tal-istazzjonijiet Maltin li jxandru “free-to-air” għal dawk l-individwi li m’għandhomx servizz ieħor jew b’għażla jew minħabba mezzi ekonomiċi.


Il-Ministru Bonnici stqarr li l-Gvern jemmen li għandu jsostni dan is-servizz pubbliku li joffri garanzija ta’ aċċess universali għal kulħadd mingħajr esklużjoni u b’diversità ta’ programmazjoni ta’ stazzjonijiet lokali.


Il-kumpanija PBS Ltd baqgħet tiġi identifikata bħala l-operatur għal dan is-servizz ta’ ‘free-to-air’ fuq Kanal UHF 43 li jirrikjedi servizz ta’ ‘multiplex’ tal-istazzjonijiet lokali li jgawdu l-istatus ta’ oġġettiv ta’ interess ġenerali (GIO). It-total huwa ta’ tmien stazzjonijiet lokali.


Fl-aħħar ġimgħat saru xi tħejjijiet u kien hemm tibdil u tisħiħ fin-network eżistenti biex jassiguraw is-sostenibbiltà tas-servizz għas-snin li ġejjin mingħajr interruzzjoni.



bottom of page