top of page

Jingħata bidu għax-xogħol ta’ restawr tal-pitturi tas-saqaf ġewwa l-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq



Ingħata bidu għax-xogħol ta’ restawr fuq il-pitturi tas-saqaf ġewwa l-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq. Dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ madwar €60,000, parzjalment ko-finanzjat minn fondi mogħtija mill-Kunsill Malti għall-Arti.


Dan ix-xogħol huwa neċessarju wara li l-pitturi tas-saqaf tmermru kważi kompletament, u għaldaqstant inħass il-bżonn li jkun hemm intervent dirett li jerġa’ jagħti l-ħajja lis-sbuħija artistika tal-parti tas-saqaf ta’ fuq l-artal. Dawn il-pitturi se jitpittru mill-artist Manuel Farrugia.


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li, “Minħabba l-ħsara li ġarrbu l-pitturi għal diversi snin, ġie deċiż li dawn il-pitturi għandhom isiru mill-ġdid u b’mod li jkunu jikkumplimentaw l-opri artistiċi li diġà jeżistu fil-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq.”


Huwa tenna li l-Gvern kommess li jkompli jinvesti fl-arti reliġjuża f’pajjiżna u sostna li dan ix-xogħol jingħaqad ma’ kullana ta’ interventi li seħħew f’diversi knejjes u kappelli mifruxa madwar Malta kollha.


Il-Perit responsabbli minn dan il-proġett, Daniel Darmanin, ta spjegazzjoni tax-xogħlijiet. “Fil-ġranet li għaddew intrama saqaf temporanju magħmul minn travi u injam, biex jinħoloq aċċess għas-saqaf, u b’hekk l-ispazju fil-Knisja jkun jista’ jibqa’ jintuża waqt li qed isir ix-xogħol. Dan is-saqaf temporanju se jagħti l-opportunità biex il-ħsarat eżistenti jiġu studjati mil-qrib u jiġu mgħarbla l-interventi neċessarji qabel tkun tista’ ssir il-pittura.”


Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-membri tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u l-Arċipriet Daniel Cardona.









bottom of page