Jiġu diġitizzati mas-7,500 artifatti fi tliet snin
- Owen Bonnici Team
- Feb 23, 2023
- 2 min read

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żaru t-Taqsima tad-Diġitizzazzjoni fi ħdan Heritage Malta, li twaqqfet biex tieħu ħsieb id-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli fdat f’idejn Heritage Malta u tagħmlu aċċessibbli virtwalment.
Il-fondi li nkisbu mill-EEA Norway Grants kienu jammontaw għal €2 miljuni u ntużaw biex isir ix-xogħol ta’ restawr fil-Mużew Marittimu kif ukoll għat-twaqqif tat-Taqsima tad-Diġitizzazzjoni u x-xiri ta’ tagħmir modern li ppermetta li ssir id-diġitizzazzjoni tal-wirt marittimu. Twaqqfet ukoll Collection Management System (CMS), fejn permezz ta’ software speċjalizzat isir il-katalogar ta’ dawn il-kollezzjonijiet.
Il-Ministru Owen Bonnici rrimarka li d-diġitazzazzjoni tiżgura aktar użu mill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. “L-għan tagħna kien li fi tliet snin jiġu diġitizzati madwar 4000 artefatt, iżda din il-mira nqabżet sew u fi tliet snin ġew diġitizzati madwar 7500 artifatti. Se nkomplu nżommu l-istorja bħala parti integrali minn ħajjet pajjiżna u se nkomplu nagħtuha l-importanza mistħoqqa”, tenna Dr Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li bil-fondi Ewropej u Norveġiżi, qed ikomplu jinvestu fil-qasam kulturali biex il-patrimonju Malti jitgawda mhux biss mill-poplu Malti u Għawdxi imma anke mit-turisti. “Illum qed naraw eżempju ieħor ta’ proġett innovattiv li qed jitwettaq bil-fondi Norveġiżi, li se joffri esperjenza personali u interattiva lil min iżur il-Mużew Marittimu. Dan apparti x-xogħol ta’ restawr li qed isir f’dan il-mużew biex ikompli jtejjeb l-esperjenza ta’ kull min iżur dan il-mużew”, qal Dr Bonett.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, spjega li f’dawn l-aħħar snin, permezz tat-teknoloġija diġitali, Heritage Malta rnexxielha tilħaq udjenzi usa’ minn qatt qabel u tagħmel il-kollezzjoni nazzjonali aċċessibbli kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin fil-kumdità ta’ darhom. Mhux biss, iżda din it-teknoloġija ppermettiet xejriet ġodda fil-mużeoloġija, fejn żdied l-aċċess, tjiebet l-interpretazzjoni u nħolqot esperjenza isbaħ għall-viżitatur.
Is-Sur Anthony Cassar, li jmexxi t-Taqsima tad-Diġitizzazzjoni, qal li matul is-sajf li għadda, it-taqsima ngħatat iċ-ċertifikat ISO9001 mil-Lloyds Register Quality Assurance u b’hekk saret l-ewwel dipartiment fi ħdan Heritage Malta li kiseb dan iċ-ċertifikat prestiġjuż.

Comments