top of page

Inwettqu Flimkien: Konkluż il-proċess tax-xiri tas-sede prinċipali tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa



 

Jitilgħu għal sebgħa il-proprjetajiet ta’ Soċjetajiet Mużikali li nxtraw mill-Gvern, b’ħamsa oħra jinsabu fuq konvenju

 

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali kkonkluda l-proċess tax-xiri tas-sede tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa. Din il-proprjetà tingħaqad ma’ sitt propjetajiet oħra okkupati minn Soċjetajiet Mużikali, jiġifieri s-sede s-Soċjetà Mużikali Marija Reġina Marsa A.D.1977, is-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, s-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid u s-sede tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema li issa l-Gvern hu s-sid tal-binja prinċipali li minnha joperaw dawn is-soċjetajiet.

 

Fl-istess waqt hemm ħames sede ta’ Soċjetajiet Mużikali oħra li l-Ministeru, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, jinsab f’konvenju mas-sidien privati tagħhom.  Dawn it-tnax-il Soċjetà kienu f’riskju serju ta’ żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif il-Gvern ħa l-inizjattiva sabiex isalva dawn is-soċjetajiet mużikali li huma s-sisien tal-festa Maltija f’kull komunità. Filwaqt li enfasizza t-twemmin tal-Gvern fil-benefiċċji sinifikanti li joħorġu mill-appoġġ lill-festi Maltin, huwa saħaq li hu kruċjali li dawn is-Soċjetajiet Mużikali jibqgħu jiffunzjonaw u jibqgħu aċċessibbli għall-komunitajiet rispettivi tagħhom.

 

Huwa fisser id-deċiżjoni tal-Gvern li jintervjeni biex jixtri l-każini li kienu f’riskju imminenti ta’ żgumbrament bħala waħda importanti għat-tisħiħ tas-settur kulturali, speċjalment meta wieħed iqis ir-rikonoxximent riċenti mill-UNESCO tal-Festa Maltija bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità.

 

Min-naħa tiegħu, id-Direttur għall-Affarijiet Korporattivi tal-Kunsill Malti għall-Arti, Eric Fenech Sevasta, stqarr, “Il-Kunsill qed ikompli jieħu l-passi neċessarji sabiex nassiguraw li l-identità u t-tradizzjonijiet Maltin jibqgħu ħajjin u jkomplu jingħataw il-ħajja fil-komunitajiet tagħna.”

 

Is-sede tas-Soċjetà tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa ġiet akkwistata b’investiment totali ta’ €1,100,000.  B’kollox il-Gvern hu mistenni li jinvesti total ta’ €19-il miljun meta wieħed iqis l-ammont li diġà ġie investit fl-akkwist tas-seba’ proprjetajiet imsemmija u l-ammont li jrid jinħareġ meta wieħed iqis il-ħames proprjetajiet l-oħra li għad irid isir kuntratt finali dwarhom.

 


 

bottom of page