top of page

Inwettqu Flimkien: Għaddej xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Oratorju Qalb ta’ Ġesu fil-Mosta




Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħol li għaddej fuq il-proġett tal-faċċata tal-Oratorju Qalb ta’ Ġesu li tinsab fil-Mosta, li qed isir mid-Direttorat tar-Restawr. Ix-xogħol beda f’Awwissu tal-2022 u huwa ppjanat li jitlesta sal-aħħar ta’ Mejju 2023.


Din il-kappella hija waħda mill-proġetti taħt l-iskema tal-Kunsilli Lokali, liema skema tkopri restawr ta’ statwi, niċeċ, monumenti, kappelli u strutturi storiċi li jinsabu fid-diversi rħula u komunitajiet.


Il-Ministru Owen Bonnici sostna li “Dan il-Gvern impenjat li jkompli jwettaq inizjattivi li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ postijiet storiċi fil-lokalitajiet tagħna fuq bażi regolari. L-Oratorju Qalb ta’ Ġesu fil-Mosta hu wieħed minn ħolqa ta’ proġetti li se jkunu qed jitlestew biex inkomplu nħarsu l-lokalitajiet tagħna, grazzi għall-ħidma bla waqfien tad-Direttorat tar-Restawr.”


Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Mosta Chris Grech tenna li “Dan il-proġett ta’ restawr huwa importanti għall-Mosta, għaliex l-Oratorju Qalb ta' Ġesù jkopri kultura reliġjuża, drammatika u sportiva għall-ġenerazzjonijiet sħaħ ta' żgħażagħ u adoloxxenti Mostin li għalihom l-Oratorju kien it-tieni dar tagħhom. Għaldaqstant, permezz ta’ dan il-proġett se nkomplu napprezzaw il-patrimonju li ħallewlna ta' qabilna.”


Il-Perit Audrey Anne Bonnici, li hija inkarigata mix-xogħlijiet, tat spjegazzjoni tax-xogħol li kien jinkludi tindif, tiswija u rikostruzzjoni tal-faċċata, u tindif u restawr fuq l-istatwi tal-faċċata, fost xogħolijiet oħra.


L-Oratorju Qalb ta’ Ġesu nbena fuq id-disinn tal-Perit Nettu Mifsud Ellul, tlesta fl-1935 u ġie inawgurat fl-1940.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm membri tal-Kunsill Lokali tal-Mosta u s-Segretarju Eżekuttiv tal-istess kunsill.






bottom of page