top of page

Investiment ta’ €390,000 fi produzzjonijiet tal-opri f’Għawdex



Produzzjonijiet tal-opri f’Għawdex se jgawdu minn investiment ta’ €330,000 mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, b’kontribut addizzjonali ta’ €60,000 mill-Ministeru għal Għawdex. Kemm it-Teatru Astra kif ukoll it-Teatru Aurora gawdew mill-Programm Investiment għall-Organizzazzjonijiet Kulturali – Għawdex, amministrat mill-Kunsill Malti għall-Arti, liema programm ta’ finanzjament ikopri l-perjodu mill-2022 sal-2024. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Il-Ministru Bonnici faħħar din il-kisba u qal, “Aħna nimmiraw u niżguraw li kull forma ta’ arti hija rikonoxxuta, inkluż is-settur operistiku li fih pajjiżna qed jiddistingwi ruħu. L-opri għandhom pjattaforma soda f’Għawdex u grazzi għal dan il-programm nistgħu nkomplu ninvestu fl-eċċellenza artistika f’din il-forma ta’ teatru, li hi tant maħbuba u apprezzata.” Il-Ministru Bonnici rrefera wkoll għall-Politika Kulturali Nazzjonali, li tpoġġi fuq quddiem l-importanza ta’ Għawdex, li hu kulturalment distint, hekk kif imsemmi f’waħda mill-prijoritajiet tagħha. “Għalhekk huwa ta’ min ifaħħar din l-inizjattiva, hekk kif dan hu perfettament konformi mal-isforzi tagħna bħala gvern”, qal il-Ministru Bonnici. Kull teatru se jibbenefika minn €55,000 mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u €10,000 mill-Ministeru għal Għawdex għal tliet snin konsekuttivi.


Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li minkejja li għandu ftit iktar minn 30,000 ruħ, Għawdex għandu żewġ teatri tal-opri li kull wieħed minn tal-inqas itellgħu opra fis-sena, ħafna drabi b’solisti internazzjonali. Fil-fatt, l-istaġun tal-opri llum il-ġurnata huwa appuntament regolari għas-segwaċi tal-opra. Il-Ministru Camilleri semma li x-xahar tal-opra f’Għawdex, Ottubru, huwa opportunità kbira għall-Għawdxin stess, li għandhom talenti artistiċi kbar, biex jgħaqqdu u jiffurmaw parti minn grupp ta’ kalibru għoli li jiġi Għawdex apposta għal avvenimenti bħal dawn tant imfittxija. Qal li, “Ottubru hu xahar ieħor interessanti għall-gżira Għawdxija. B’kollaborazzjoni maż-żewġ soċjetajiet Leone u La Stella, irnexxielna nħejju programm intensiv iżda ambizzjuż, b’xahar sħiħ ta’ attivitajiet, biex Għawdex ikompli jistabbilixxi ruħu bħala destinazzjoni rinomata għall-opra. Bħala ministeru kommessi li nkomplu nagħtu appoġġ lill-programm kulturali estensiv li għandna f’Għawdex bil-għan li nkomplu nattiraw lejn il-gżira turisti ta’ kwalità.”


Il-programm ikopri attivitajiet li se jsiru fl-2022, fl-2023 u fl-2024, u hemm total ta’ seba’ organizzazzjonijiet Għawdxin li bbenefikaw. Din kienet l-ewwel sejħa tal-ICO-Għawdex, hekk kif qabel din is-sejħa kienet magħrufa bħala l-Programm ta’ Għajnuna Kulturali għal Għawdex. Bis-saħħa taż-żewġ inizjattivi, l-investiment totali f’organizzazzjonijet Għawdxin li huma attivi fis-setturi kulturali u kreattivi se jlaħħaq iż-€2,385,000 fuq medda ta’ tmien snin (2016-2024). Aktar informazzjoni u r-riżultati ta’ din is-sejħa fuq il-programm jinstabu fuq www.artscouncil.mt, taħt is-sezzjoni tal-fondi u opportunitajiet.





bottom of page