top of page

Investiment ta’ €200,000 għal riċerka dwar terapija iktar sikura u effettiva għall-kanċer tal-pulmun




Riċerkaturi fid-Dipartiment tal-Farmakoloġija Klinika u Terapewtika fl-Università ta' Malta qed jaħdmu fuq proġett ta’ riċerka bl-isem LCeNT, bil-għan li jistudjaw u jiżviluppaw terapija ġdida għall-kanċer tal-pulmun speċifiku msejjaħ non-small cell lung cancer (NSCLC). Minkejja t-trattamenti disponibbli bħalissa, dan it-tip ta' kanċer iġorr rata ta' sopravivenza wara 5 snin ta' madwar15% biss.


Il- kors ta ' trattament li qed jiġi propost mill- proġett LCeNT jista ' potenzjalment jipprovdi effikaċja akbar f' konċentrazzjonijiet ta' mediċini aktar sikuri u b' hekk jagħti inqas effetti negattivi minn trattamenti disponibbli bħalissa. L-għan ewlieni ta' din ir-riċerka huwa li tiżviluppa u tevalwa qafas terapewtiku li jgħin biex tinkiseb pronjosi aħjar u jtejjeb ir-rata ta' sopravivenza.


Waqt iż-żjara tiegħu fil-laboratorji fejn qed isir xogħol fuq dan il-proġett, il-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni Owen Bonnici qal li, "L-enerġija u l-impenn ta' dawn ir-riċerkaturi Maltin li qed jaħdmu biex isibu trattament aħjar għal marda li qed tikkawża tant tbatija, huma tassew impressjonanti, u x-xogħol imprezzabbli tagħhom jeħtieġ li jiġi rikonoxxut, hekk kif qed jaħdmu bla heda sabiex jipprovdu tama ġdida lil dawk li l-aktar għandhom bżonnha."


Il-Ministru Bonnici saħaq li, "Il-Gvern huwa impenjat li jibqa' jinċentiva u jinkoraġġixxi riċerka bħal din peress li qed taħdem biex tipprovdi soluzzjonijiet innovattivi li verament is-soċjeta’ għandna bżonn. Filwaqt li r-riċerka f'pajjiżna għada fil-bidu tagħha, in-nies qed jibdew jifhmu l-valur tagħha għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha."

Il-kanċer għadu l-kawża ewlenija ta’ mewt madwar id-dinja. Fil-fatt l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa rreġistrat 10 miljun mewt bil-kanċer matul is-sena 2020, bl-aktar kawża komuni tkun il-kanċer tal-pulmun li jammonta għal 1.8 miljun vittma. Dan jgħodd ukoll għal Malta, fejn il-kanċer tal-pulmun ġie rreġistrat bħala l-kawża l-aktar komuni tal-mewt tal-kanċer fl-2016. Din l-istatistika ma varjatx matul dawn l-aħħar ftit snin, madankollu importanti wkoll li wieħed jifhem li din ir-rata xorta hija fost l-aktar baxxi fl-UE. Din l-informazzjoni waħedha hija indikazzjoni ċara ta' kemm jista' jkun aggressiv dal- kanċer u din kienet il-motivazzjoni ewlenija li ġiegħlet lil dan it-tim ta' riċerka jagħżel li jistudja dan it-tip ta' kanċer.


Dan it-tim ta' riċerka huwa magħmul minn numru ta' studenti postgraduate u undergraduate li qed jiġu kkoordinati minn Dr Vanessa Petroni Magri u l-Professur Anthony Fenech mill-Università ta' Malta, flimkien mal-Konsulent Kirurgu Kardjotoraċiku ġewwa Mater Dei, il-Prof Joseph Galea, b'kollaborazzjoni maċ-Ċentru ta' Riċerka dwar il-Kanċer ta' Marsilja, fi Franza.

Dan il-proġett ta' riċerka sar possibbli bis-saħħa ta' finanzjament ta' €200,000 mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) permezz tal-Programm tagħhom għall-Iżvilupp Teknoloġiku (TDP).







bottom of page