Kitba meħuda mill-Orizzont (Il-Ġimgħa 12 ta’ Awwissu 2022) paġna numru 6.
F’għeluq is-sena mit-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar investiment ulterjuri ta’ €1.7 miljun f’xogħlijiet ta’ restawr fil-Knisja u l-Kulleġġ tal-Ġiżwiti li se jiżdiedu mat- €2.8 miljun li diġà ġew investiti mill-2015 sal-lum sabiex din il-ġawhra patrimonjali tingħata ħajja mill-ġdid.
Il-Knisja kienet inbniet bejn l-1593 u l-1609 mill-Ordni tal-Ġiżwiti u fiha xogħlijiet ta’ arti ta’ Mattia Preti, Giovanni Battista Caracciolo, Stefano Erardi u Alessio Erardi, fost oħrajn, u l-artal titulari huwa magħmul minn Filippo Paladini. Il-kumpless jinkludi żewġ oratorji, wieħed magħruf bħala l-Onorati u l-ieħor bħala l-Immakulata.
Il-Ministru Owen Bonnici, fid-diskors tiegħu saħaq li l-Gvern se jkun qed jikkommetti, flimkien mal-Arċidjoċesi, ħidma sabiex tibqa’ tiġi ssalvagwardjata l-Knisja u l-artifatti interni.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, li huwa wkoll membru fuq il-Fondazzjoni, qal li fl-ewwel sena sar ħafna xogħol ta’ konservazzjoni u restawr, kemm fil-knisja kif ukoll fl-oratorji, u dan jixhed il-koperazzjoni sħiħa li hemm bejn il-Knisja u l-Gvern biex din il-ġawhra fil-Belt Valletta eventwalment tinfetaħ għall-pubbliku bħalma hu l-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Ix-xogħlijiet bdew fl-2015 bir-restawr tal-bejt tal-Knisja tal-Ġiżwiti, il-koppla, il-kupletti ta’ fuq il-kappelli u l-kampnar. Ix-xogħlijiet tkomplew bir-restawr tal-faċċati tal-Knisja. Ix-xogħlijiet tkomplew bit-tiswija fis-saqaf tal-injam ta’ fuq l-Oratorju tal-Onorati. Saru wkoll xogħlijiet ta’ restawr u pavimentar fil-bitħa tal-kulleġġ, illum il-Valletta Campus tal-Università ta’ Malta, u l-faċċati esterni fi Triq il-Merkanti, fi Triq San Kristofru u fi Triq San Pawl.
F’nofs l-2021 bdew ix-xogħlijiet biex jinbidlu s-sistemi mekkaniċi u elettriċi eżistenti u jsiru xogħlijiet ta’ restawr fis-sagristija u fl-oratorji tal-Kunċizzjoni u dik tal-Onorati. Bħalissa għaddejjin ukoll xogħlijiet fuq is-servizzi fl-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni. Saru tiswijiet fil-balavostri ta’ fuq il-bieb tal-oratorju kif ukoll fit-twieqi. Ladarba jitlestew ix-xogħlijiet fuq il-ħitan u s-saqaf, ikun jista’ jibda r-restawr tal-artal.Dawn ix-xogħlijiet qed isiru mid-Direttorat tar-Restawr, taħt il-gwida tal-Perit Mark Azzopardi.
Comments