top of page

Insaħħu l-Festi Maltin

Owen Bonnici –(Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali)



Il-Festa Maltija hija unika.


Dak li jagħmilha unika huwa l-fatt li kull festa f’Malta u Għawdex għandha dik il-karrateristika jew tradizzjoni li tiddistingwiha minn oħra. Għaldaqstant dawn il-karatteristiċi rridu nsaħħuhom bl-aħjar mod possibbli.


Huwa għalhekk li wara sentejn ta’ pandemija, li fihom l-organizzaturi kellhom limitazzjonijiet enormi biex jorganizzaw attivitajiet li bihom jinġabru l-fondi, bħala Gvern tajna l-għajnuna tagħna b’żieda mal-iskemi diversi li joħorġu kull sena immirati għall-festi.


Dan għamilnieh bi skema speċjali li ġiet mħabbra ricentament permezz ta’ għajnuna finanzjarja ta’ darba, immirata sabiex tappoġġja każini tal-baned lokali u għaqdiet volontarji anċillari fl-organizzazzjoni tal-festa matul is-sena 2022. Din l-iskema hija miftuħa għall-każini tal-baned, kmamar tan-nar u għaqdiet tal-armar li ipparteċipaw jew se jipparteċipaw b’mod attiv fil-festa matul din is-sena.

Bħala Gvern nemmnu li din l-iskema hija kruċjali sabiex il-Gvern jibqa’ jkun ta’ spalla għall-għaqdiet li jippromwovu tradizzjonijiet lokali relatati mal-festi. Dawn l-iskemi se jkomplu jsostnu il-voluntiera u jingħataw l-għodda meħtieġa sabiex iwettqu l-ħidma sfieqa tagħhom, anke wara l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija.

Kull grupp ta’ għaqdiet volontarji li jaħdmu flimkien għall-istess għan ħa jgawdu sa massimu ta’ €6,000, fejn €2,000 minnhom jiġu allokati għal kull tip ta’ għaqda volontarja – jiġifieri jew Soċjeta’ Mużikali jew Għaqda ta’ l-Armar jew Għaqda tan-Nar. F’każ li l-entita’ volontarja twettaq żewġ jew tliet funzjonijiet, allura din hi eleġibbli għall-ammont ta’ €4,000 jew ta’ €6,000 rispettivament.

Dawn l-iskemi mhux biss jirrikonoxxu d-diffikultajiet li għaddew diversi organizzazzjonijiet volontarji minħabba l-pandemija tal-COVID-19, iżda ser jaraw diversi organizzazzjonijiet igawdu b’mod aktar sostenibbli u responsabbli.

U dan is-Sajf il-festi rritornaw lura bil-kbir! S’issa f’kull festa li attendejt rajt ħafna u ħafna nies jieħdu gost u jieħdu pjaċir.


Aħna nagħrfu bis-sħiħ l-importanza li nħarsu u nippromwovu t-tradizzjonijiet lokali bħala parti mill-identità nazzjonali ta’ pajjiżna. Barra minn hekk dan l-appoġġ se jkompli jsaħħaħ ir-rikonoxximent tal-Festa Maltija, kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna.

Qassamna wkoll total ta’ €170,000 fost 29 kamra tan-nar li jaħdmu b’mod volontarju wara li dawn applikaw b’suċċess taħt skema li għandha l-għan li ttejjeb l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà.


Din l-iskema, li ilha toħroġ kull sena sa mit-twaqqif tagħha fl-2018, tirrikonoxxi l-ħidma mwettqa minn eluf ta’ pirotekniċi li jaħdmu bla heda fuq bażi volontarja biex jippreparaw għall-festa Maltija, li tifforma parti integrali mill-kultura Maltija.


Ma nixbax nirringrazzja lill-benefiċċjarji għax-xogħol u d-dedikazzjoni kbira tagħkom sabiex iżommu t-tradizzjonijiet nazzjonali tagħna ħajjin.


Permezz ta’ dawn l-isemi se nkomplu nibnu fuq l-impenn tagħna lejn it-tradizzjonijiet lokali, speċjalment dawk li jikkumplimentaw il-festa Maltija. Dan bħala parti mill-ħidma tal-Gvern sabiex nissalvagwardjaw il-wirt kulturali intanġibbli ta’ pajjiżna.


Il-kultura tal-logħob tan-nar f’Malta, hija tradizzjoni li tmur lura għal għexieren ta’ snin u għadha meqjusa bħala attrazzjoni turistika artistika u li tifforma parti integrali mill-wirt kulturali Malti. Din l-iskema talloka fondi lill-kmamar tan-nar, sa massimu ta’ EUR 5,000 kull kamra, sabiex tgħin fiż-żamma ta’ infrastruttura aġġornata li tassigura ambjent sigur għall-volontiera, kemm waqt il-proċess tal-manifattura, kif ukoll waqt il-ħruġ tal-logħob tan-nar.


Din l-iskema tiġbor fiha wkoll fondi biex dawn il-kmamar ikunu jistgħu jinvestu f’riżorsi li jtejbu l-kwalità tal-prodott pirotekniku filwaqt li xorta jħarsu prattiċi ta’ saħħa u sigurtà tal-ogħla livell. Bl-istess mod l-iskema toffri investiment biex tittejjeb is-sigurtà, filwaqt li jsir investiment f’makkinarju u għodda biex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-produzzjoni tal-logħob tan-nar u tiżdied is-sigurtà tal-produzzjoni.


Dan il-fond jinvesti wkoll f’riżorsi edukattivi dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-manifattura u fl-infrastruttura tal-logħob tan-nar u ukoll fir-restawr tal-kmamar tan-nar u sforzi fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn fabbriki tal-logħob tan-nar lokali u Ewropej.

Ninvestu f’aktar skemi mmirati biex jgħinu l-għaqdiet mużikali u l-festi in ġenerali, u trid issir ħidma iffokata f’oqsma bħalma huma l-mużiċisti u t-tagħlim tal-mużika. Se nibqgħu nirrikonoxxu s-sehem tal-volontarjat fis-soċjetajiet mużikali u l-għaqdiet tal-armar fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin. Ser ngħinuhom sabiex ikunu jistgħu jibqgħu ilibbsu l-irħula tagħna b’tant ferħ matul il-festi.



bottom of page