top of page

Inkomplu ninvestu fil-kultura, fil-ġeneri kollha tagħha


Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Patrimonju Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali




Il-Kultura hija r-ruħ tal-poplu tagħna u għalhekk irridu nindukrawha u nieħdu ħsiebha. Ħafna ċivilizzazzjonijiet jkejjlu l-avvanz tagħhom fuq kemm imexxu l-kultura u l-arti ‘l quddiem. Daqhsekk hi importanti, u daqshekk hu essenzjali li nkomplu ninvestu fiha.


U rridu ninvestu fil-ġeneri kollha tagħha. Mhux ġeneru wieħed u l-ieħor le. Malta għandha mużajk rikk u din ir-rikkezza rridu nkomplu niċċelebrawha u nsaħħuha.


Xtaqt nitkellem fuq tliet inizjattivi li ħadna fl-aħħar jiem f’dan il-kuntest.


31 għaqda jgawdu mill-iskema ta’ finanzjament artistiku għall-armar fil-festi.


Wara li żammejna kelmitna mas-soċjetajiet tal-baned li u għinnihom permezz ta’ skema ta’ darba, dik ta’ nofs miljun li kienet importanti fir-riġenerazzjoni tas-setturi kreattivi u kulturali wara l-pandemija tal-COVID-19, komplejna nagħtu għajnuniet lill-festi abbażi ta’ aspetti partikolari.


Il-Festi tagħna huma mimlijin xogħlijiet artistiċi li jirrappreżentaw l-identità kulturali tagħna li kull ma jmur dejjem tevolvi. Il-popolarità tal-festi żdiedet kemm fost it-turisti u anke l-Maltin. F’dawn l-aħħar snin investejna bis-sħiħ fil-festi tagħna, kemm mill-aspett kulturali, kif ukoll dak kreattiv. Għalhekk għinna aktar għaqdiet biex ikomplu jagħmlu l-arti u l-kreattività fil-qofol tal-festa. Qed nagħtu wkoll sostenn lil dan is-settur biex jirkupra kemm jista’ jkun malajr u jkompli jiġbed lejh interess ġdid fl-era ta’ wara l-pandemija. Fl-aħħar snin ħadna inizjattivi biex l-arti u l-kultura jingħataw il-valur li jixirqilhom fis-soċjetà. Ser inkomplu b’din il-mixja għall-benesseri ta’ kulħadd.


Għalhekk wara li għinna lil tan-nar, issa kien il-waqt li ngħinu lil tal-armar. Mhux bid-diskors imma bil-fatti. €180,000 oħra ġew investiti f’organizzazzjonijet volontarji marbuta mal-festi Maltin, biex ikun hemm aktar trawwim, tisħiħ u ħarsien tat-tradizzjonijiet tal-arti tal-armar fil-festi. tagħna.


31 għaqda jgawdu mill-iskema ta’ finanzjament artistiku għall-armar fil-festi.


Bl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna għal armar tal-festi, qegħdin inkomplu nsaħħu t-tessut kulturali u t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna, mhux biss billi nipprovdu assistenza għad-disinn u l-manifattura, imma wkoll b’investiment ta’ tagħlim u taħriġ fejn jidħol l-armar kif ukoll għal proġetti u attivitajiet kulturali oħra. Skemi bħal din u oħrajn jgħinu għax jagħtuna l-pedament biex inkomplu nsaħħu aktar il-kultura tagħna u l-futur tagħha. Din l-iskema hi mmaniġjata mill-Kunsill Malti għall-Arti, dan il-fond jassisti lil bosta organizzazzjonijiet li jinsabu fl-ibliet u l-irħula tagħna li huma marbuta mal-armar tal-festa tradizzjonali Maltija, li volontarjament jaħdmu matul is-sena kollha fuq l-aspetti artistiċi tal-festi.


Din l-iskema tiżgura li dawn l-organizzazzjonijiet jingħataw l-assistenza meħtieġa biex ikomplu jirfinaw f’xogħlhom, biex jintlaħqu livelli artistiċi ogħla fix-xogħol prodott u tippermettilna wkoll li naraw il-potenzjal kollu tal-ekoloġija kkulurita tagħna ta’ espressjonijiet kulturali, li jinsabu fil-komunitajiet tagħna. Il-benefiċjarji ta’ din l-iskema huma organizzazzjonijiet volontarji rreġistrati mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, u ġew skrinjati f’termini ta’ eliġibbiltà teknika u artistika mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-finanzjament massimu għal kull benefiċjarju kien ta’ €10,000 għal kull proġett; kull proġett ingħata finanzjament fuq bażi ta’każ b’każ.


Imniedi t-tieni programm ta’ investiment fuq tliet snin għall-organizzazzjonijiet kulturali.


Nedejna wkoll is-sejħa għal Investiment fl-Organizzazzjonijiet Kulturali.Din is-sejħa, li hi mmaniġjata mill-Kunsill Malti għall-Arti, ġiet imniedija għat-tieni darba fil-format preżenti tagħha u t-tielet darba “overall”, u timmira li toħloq sħubija mal-organizzazzjonijiet volontarji lokali li huma attivi u jiffukaw fuq is-setturi kulturali u kreattivi fuq perjodu ta’ tliet snin. F’dan il-programm qed jiġu investiti €300,000 kull sena għal total ta’ €900,000 fuq perjodu ta’ tliet snin. Permezz ta’ dan l-investiment fuq tliet snin, l-organizzazzjonijiet jistgħu jiżviluppaw u jkomplu jimirħu t-talent tagħhom u jgawdu mis-saħħa li jagħtihom il-fatt li jafu li l-għajnuna se tkun qed tingħata fuq bażi trijennali.


Bħala Gvern, l-għan tagħna hu li nikkontribwixxu għall-arti u l-kultura permezz ta’ programmi u skemi bħal dawn, li jiżguraw tkabbir kontinwu u aktar stabbiltà fis-settur. Il-programmi ta’ Investiment fl-Organizzazzjonijiet Kulturali raw investiment ta’ kważi €3,000,000 mill-bidu tiegħu fl-2016 s’issa fl-organizzazzjonijiet benefiċjarji tagħhom u hu grazzi għal inizjattivi bħal din li nistgħu nkomplu nagħtu l-appoġġ, naħdmu u nsaħħu fis-settur.


Dan il-programm kien ġie introdott bħala l-iskema Cultural Partnership Agreement fl-2016 u reġgħet ġiet imnedija bħala Investiment fl-Organizzazzjonijiet Kulturali għas-snin 2020-2022, fejn 13-il organizzazzjoni volontarja bbenefikaw direttament minn din l-iskema, fosthom Moveo, il-Fondazzjoni Gabriel Caruana, Teatru Salesjan u Kinemastik. Kien hemm 3 organizzazzjonijiet oħra li ngħataw appoġġ fuq l-istess livell, permezz ta’ ftehim bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, biex l-investiment permezz ta’ dan il-programm jiġi mmassimizzat.


Reġjun Kulturali 2023

It-tielet inizjattiva tirrigwardja r-Reġjun tan-Nofsinhar li se jkun ir-Reġjun Kulturali għas-sena 2023.


L-arti u l-kultura għandhom rwol kruċjali fil-kisba ta’ żvilupp inklussiv u sostenibbli u jgħinu biex jagħtu ħajja ġdida lil-lokalitajiet tagħna, aktar u aktar meta meħuda fl-isfond ta’ bażi reġjonali. Għal dan il-għan ġie mniedi l-proġett Reġjuni Kulturali li se jkun qed jissostitwixi l-iskema Belt jew Raħal Kulturali. Dan il-proġett se jiġi fis-seħħ mis-sena dieħla, jiġifieri s-sena 2023, fejn l-ewwel programm kulturali għal sena sħiħa se jiġi mtella’ mir-Reġjun Nofsinhar.


Dan il-proġett jimxi id f’id mal-Politika Nazzjonali dwar il-Kultura fejn ġie enfasizzat li l-Kunsilli Reġjonali u Lokali ser jingħataw żieda b’responsabilità definita tal-istrateġiji kulturali reġjonali bbażati fuq il-prinċipji u l-objettivi tal-politika nazzjonali fis-settur.


Dan il-proġett se jgħin biex ikun hemm il-parteċipazzjoni ta’ bosta prattikanti fis-settur kulturali u artistiku, organizzazzjonijiet u sħab kreattivi fuq livell reġjonali fejn diversi kunsilli se jaħdmu flimkien.


Hekk se nkomplu nħeġġu l-apprezzament lejn il-kultura Maltija u nkunu pass eqreb li nkomplu nippreservaw il-Kultura Maltija għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.


Nirringrazzja lil kull min hu involut, din turi r-riżultat pożittiv ta’ meta jkun hemm kollaborazzjoni bis-sħiħ bejn diversi entitajiet u sezzjonijiet.


Kull Reġjun, inkluż ir-Reġjun tan-Nofsinhar, jingħata finanzjament minn fondi ċentrali għall-ingaġġ ta’ Manager Kulturali u l-għażla tar-Reġjun tan-Nofsinhar bħala Reġjun Kulturali għas-sena 2023 intlaħqet bi qbil bejn is-sitt reġjuni.


Ir-Reġjun tan-Nofsinhar se jingħata €250,000 mid-Direttorat għall-Gvern Lokali, Strateġija u Implimentazzjoni ta’ Policy fi ħdan il-Ministeru biex imorru għall-finanzjament tas-Sena kulturali, waqt li r-Reġjun se jinvesti €25,000 bħala l-kontribuzzjoni tiegħu għall-istess għan.


Persważ li r-Reġjun tan-Nofsinhar, li hu tant rikk fl-arti u l-kultura, se jtina sena sabiħa.



3 views

Recent Posts

See All
bottom of page