top of page

Inawgurata t-tieni edizzjoni tal-Malta Biennale 2026

  • Mar 19
  • 2 min read

Titwaqqaf il-Fondazzjoni tal-Malta Biennale

 

It-Tlieta filgħaxija ġiet inawgurata t-tieni edizzjoni tal-Malta Biennale 2026. L-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir bejn l-14 ta’ Marzu u l-aħħar ta’ Mejju, fuq medda ta’ 11-il ġimgħa.

 

Taħt id-direzzjoni tal-kuratriċi ta’ fama internazzjonali Rosa Martínez, dan il-Biennale se jlaqqa’ flimkien aktar minn 130 artist lokali u internazzjonali minn 43 pajjiż. L-artisti se jipparteċipaw b’xogħlijiet li jġibu magħhom il-kreattività, l-innovazzjoni u l-esperjenzi tagħhom minn kull rokna tad-dinja.

 

Tħabbar ukoll it-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-Malta Biennale. Din il-Fondazzjoni se tkun l-entità li tmexxi u torganizza l-Malta Biennale fis-snin li ġejjin. Struttura b’saħħitha li tiżgura li dan l-avveniment ikompli jikber, jissaħħaħ u jilħaq aktar nies, kemm f’Malta kif ukoll lil hinn minn xtutna.

 

Fid-diskors tagħha waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fissret il-Malta Biennale bħala ċelebrazzjoni artistika u kulturali li bil-kreattività u l-innovazzjoni tirrifletti fuq is-soċjetà kontemporanja b’mod kritiku u analitiku, waqt li tħares b’impenn lejn il-futur.

 

“F’dawn iż-żminijiet ta’ bidla mgħaġġla u sfidi globali, l-arti tibqa’ lingwa universali li tgħaqqad, tistieden għar-riflessjoni u tħeġġeġ l-enerġiji mentali u fiżiċi jfittxu realtà aħjar,” stqarret il-President, waqt li rrikonoxxiet il-parteċipazzjoni b’saħħitha tal-artisti nisa, u l-involviment ta’ residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li bit-talenti tagħhom isaħħu dan l-avveniment kulturali li issa poġġa lil pajjiżna fuq il-mappa globali tal-arti kontemporanja.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-Malta Biennalemhijiex biss wirja tal-arti, iżda wkoll, u fuq kollox, pjattaforma ta’ ideat, ta’ kreattività u ta’ kollaborazzjoni. Spazju fejn il-kultura Maltija tiltaqa’ ma’ dik internazzjonali, fejn jinħolqu rabtiet kulturali ġodda u fejn l-arti ssir pont bejn il-popli.

 

Il-President tal-Malta Biennale Mario  Cutajar qal li, “L-arti hija ħolqa bejn ġenerazzjonijiet, għax is-simboli ta’ nazzjon li jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra huma kollha forom differenti ta’ arti. Il-Malta Biennale inħolom biex ikun ħolqa ħajja bejn ilbieraħ u llum, u bejn il-ġenerazzjonijiet. Għal dawn il-11 il-ġimgħa li ġejjin, Malta ser tkun djalogu sħiħ bejn il-kulturi u fehmiet li jirriflettu l-għan tal-Malta Biennale.”

 

Dan l-avveniment qed isir ukoll taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, u tal-UNESCO.



 
 
 

Comments


bottom of page