top of page

Imħabbra €700,000 ta’ sostenn lill-għaqdiet tal-banda, l-assoċjazzjonijiet tal-armar u l-kmamar tan-nar



Żieda ta’ 45% fl-investiment permezz ta’ skema ta’ finanzjament immirata speċifikament għall-festi Maltin

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-Iskema għall-Wirt Artistiku li tipprovdi appoġġ finanzjarju ta’ €700,000 lil tliet aspetti tal-festa Maltija: il-każini tal-baned, il-kmamar tan-nar, u l-assoċjazzjonijiet tal-armar tal-festi. Din l-iskema ta’ finanzjament se tkun immexxija mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-finanzjament għal din is-sena żdied b’45% meta mqabbel ma’ snin preċedenti.

 

Il-Ministru Bonnici spjega li din l-inizjattiva hi ispirata mir-rieda tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ u jinvesti fil-festi Maltin u Għawdxin li tant huma mfittxija mill-pubbliku u t-turisti li jżuruna.  Huwa qal li l-mod ta’ kif ġiet strutturata l-iskema ta’ din is-sena, se tagħmilha possibbli li kull festa f’kull lokalità f’Malta u Għawdex tingħata għajnuna finanzjarja u b’hekk jinfirex kemm jista’ jkun l-appoġġ finanzjarju li din l-iskema trid twassal.

 

“Permezz ta’ dan l-investiment ġdid u msaħħaħ qed niżguraw li l-każini kollha tal-baned, il-kmamar kollha tan-nar li jaħdmu fuq bażi volontarja, u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-armar tal-festi kollha jirċievu għajnuniet li jagħtuhom kuraġġ li jkomplu jevolvu u jikkontribwixxu għall-identità unika Maltija fil-komunitajiet tagħna,” saħaq il-Ministru Bonnici.

 

Huwa fakkar li l-festa Maltija issa hija wkoll wirt intanġibbli dinji skont il-UNESCO u dan jitfa’ iktar piż fuq l-awtoritajiet biex jassiguraw li dan il-wirt tant sabiħ ikompli jimxi ‘l quddiem.

 

Id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija għall-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi stqarret li l-Istrateġija 2025 li tmexxi dan is-settur ’il quddiem tqiegħed lill-artisti u l-professjonisti kollha, fosthom dawk li jaħdmu f’ambjent tradizzjonali jew lokali, fil-qalba tal-isforzi tagħha.

 

“Aħna rridu li nsaħħu t-tessut soċjali u kulturali divers li għandna u rridu nippromwovu l-parteċipazzjoni fil-komunitajiet, anke fejn jidħlu l-għeruq tradizzjonali u identitajiet lokali,” qalet Cauchi u spjegat li l-inizjattiva li qed titnieda llum għandha rwol essenzjali f’din il-ħidma.

 

Il-Kap tal-Finanzjament għall-Kunsill Malti għall-Arti Rita Falzon stqarret li t-tliet oqsma ta’ finanzjament jappoġġjaw diversità ta’ espressjoni artistika u kulturali li jkopru għadd bla tarf ta’ dixxiplini u tradizzjonijiet.  Fl-istess waqt, qalet Falzon, b’miżuri bħal dawn qed jinċentivaw iktar professjonalizzazzjoni fi ħdan is-settur.

 

Il-proġetti li jiksbu l-fondi jistgħu jirkupraw 100% tal-ispejjeż eliġibbli, bil-każini tal-baned intitolati sa massimu ta’ €8,000 għal kull proġett, waqt li l-kmamar tan-nar u l-assoċjazzjonijiet tal-armar tal-festi jistgħu jitolbu sa €5,000 f’fondi.

 

Fost il-proġetti eliġibbli għall-każini tal-baned hemm dawk li jinvestu, fost oħrajn, fit-taħriġ u l-edukazzjoni tal-mużika, ir-restawr, l-investiment f’installazzjonijiet teknoloġiċi u l-kollaborazzjonijiet ma’ każini tal-baned oħra, fost oħrajn. Proġetti mill-assoċjazzjonijiet tal-armar tal-festi jistgħu jinkludu, fost oħrajn, kwalunkwe oġġett relatat mad-disinn u l-manifattura tat-tiżjin tal-festa bħal statwi, kif ukoll inizjattivi edukattivi u avvenimenti soċjokulturali. Il-kmamar tan-nar jistgħu jiksbu investiment, fost oħrajn,  f’tagħmir u makkinarju tas-sigurtà, riżorsi edukattivi, infrastruttura, xogħlijiet ta’ restawr, u kollaborazzjonijiet ma’ kmamar tan-nar oħra lokali u Ewropej.

 

It-tliet oqsma ta’ finanzjament se jkunu miftuħa darbtejn matul l-2024, bl-ewwel data ta’ skadenza tkun it-2 ta’ April 2024, filwaqt li t-tieni waħda tkun it-8 ta’ Ottubru 2024.

 




 



 

bottom of page