Imħabbar investiment ta’ €600,000 għal iktar għajnuna għall-għaqdiet volontarji li jtellgħu avvenimenti fil-komunitajiet tagħna
- Owen Bonnici Team
- Aug 2
- 1 min read

Il-Ministru ghall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri varaw skema ta’ għajnuna finanzjarja għall-għaqdiet volontarji sabiex jingħataw appoġġ u sostenn pekunjarju b’rabta ma’ l-aspett taż-żamma tal-ordni fl-organizzar ta’ attivitajiet li jsiru minn żmien għal żmien fid-diversi komunitajiet.
B’kollox se jkunu qed jiġu investiti €600,000 fuq firxa ta’ sentejn. Din l-għajnuna tissupplimenta u żżid ma’ l-għajnuna li tingħata u se tibqa’ tingħata lill-għaqdiet tal-festi fl-attivitajiet li jittellgħu fil-jiem tal-festa.
Din l-iskema hija possibbli wara ħidma konġunta bejn il-LESA u l-Kunsill Malti għall-Arti.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li, “Dan l-investiment ser jibbenefikaw minnu diversi għaqdiet volontarji u allura anke komunitajiet f’Malta u Għawdex, hekk kif avvenimenti miftuħa għall-pubbliku organizzati minn għaqdiet volontarji ser ikunu jistgħu jingħataw għajnuna finanzjarja b’rabta mal-ħlasijiet li jagħmlu f’użu minn servizzi ta’ żamma tal-ordni.”
Din il-kollaborazzjoni bejn is-settur kulturali u dak tal-infurzar tirrifletti l-importanza ta’ servizzi taż-żamma tal-ordni fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet pubbliċi ta’ kwalità.
Il-Ministru Bonnici kompla jispjega li, “Il-Gvern qed jirrispondi direttament għall- ħtiġijiet tal-organizzaturi dwar l-ispejjeż ta’ sigurtà u loġistika, u qed jagħmel l-attivitajiet infushom aktar aċċessibbli għal kulħadd.”
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri spjega li, “Bit-tnedija ta’ dan il-Fond ta’ €600,000, qed noħolqu mod strutturat biex nipprovdu servizzi essenzjali ta’ sigurta’ u ordni għal attivitajiet organizzati minn NGOs lokali u organizzazzjonijiet volontarji. Din l-inizjattiva tneħħi piż finanzjarju min fuq dawn l-organizzazzjonijiet filwaqt li tkompli isaħaħ l-appoġġ tal-forzi tal-ordni fil-komunitajiet tagħna.”
Din l-iskema qed tissostitwixxi skema simili li tħabbret iktar kmieni f’din il-leġiżlatura li kellha terminu ta’ skadenza ta’ sentejn, liema sentejn għalqu din is-sena.
Comentarios