top of page

Imniedi proġett ta’ titjib u preservazzjoni taż-Żona ta’ Għar Ħasan

  • Apr 14
  • 2 min read

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda proġett ta’ titjib u preservazzjoni taż-żona ta’ Għar Ħasan f’Ħal Far.

 

Iż-żona ta’ Għar Ħasan, li tifforma parti mill-pajsaġġ xagħri tul il-kosta Maltija, għandha importanza kemm arkeoloġika, storika u kif ukoll fejn jidħol il-wirt intanġibbli Malti tant li huma diversi l-leġġendi li għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra marbuta mal-Għar innifsu.

 

Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Iż-żona ta’ Għar Ħasan tkopri madwar 5,000 metru kwadru. Nemmnu li dan is-sit għandu jiġi ppreservat aħjar u mtejjeb sabiex b’hekk nippromwovu aċċess pubbliku sigur.”

 

Il-Ministru spjega li għalhekk qed jiġi varat dan il-proġett ta’ titjib u preservazzjoni u saħaq li dan hu eżempju ċar ta’ proġett li jġib flimkien żewġ aspetti kruċjali – dak tal-ħarsien tal-patrimonju storiku tanġibbli u intanġibbli u kif ukoll dak tal-aħjar żamma u amministrazzjoni tal-art pubblika.

 

Il-Perit inkarigat mill-proġett Mark Azzopardi qal li x-xogħlijiet ippjanati jinkludu: it-tneħħija tal-iskart u materjal akkumulat, ir-riabilitazzjoni ta’ żoni degradati, it-tisbiħ tal-ambjent inġenerali, ir-restawr u l-konservazzjoni ta’ struttura storika li tmur lura għall-perjodu Ingliż u se jinħoloq ‘buffer zone’ bejn it-triq u ż-żona ta’ konservazzjoni.

 

Dan il-proġett għandu wkoll l-għan li jirriġenera ż-żona f’spazju aktar sigur u aċċessibbli għall-pubbliku, sabiex il-komunità tkun tista’ terġa’ tgawdi dan is-sit b’rispett lejn l-aspetti storiċi u kulturali u b’mod sostenibbli.

 

Se jiġu introdotti faċilitajiet iddisinjati b’attenzjoni inklużi bankijiet u mwejjed – sabiex itejbu l-esperjenza tal-viżitaturi mingħajr ma jikkompromettu l-integrità tas-sit.

 

Ix-xogħlijiet relatati mal-proġett inkluża d-dokumentazzjoni tas-sit, il-kisba tal-permessi u l-approvazzjonijiet kollha meħtieġa, kif ukoll il-ħruġ tas-sejħa għax-xogħlijiet qed jiġu kkoordinati mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, stqarr li dan il-proġett jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Awtorità lejn il-ġestjonisostenibbli u responsabbli tal-art pubblika. Huwa enfasizza li inizjattivi bħal dawn mhux biss jippreservaw il-wirt storiku u naturali ta’ pajjiżna, iżda wkoll joħolqu spazji aċċessibbli u ta’ kwalità għall-komunità, filwaqt li jżommu bilanċ bejn il-konservazzjoni u l-użu pubbliku.

 

Preżenti kien hemm ukoll membri tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.



 
 
 

Comments


bottom of page