Open Site Navigation

Imfakkra l-ħajja u l-mewt tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila


Kitba meħuda mill-Orizzont (L-Erbgħa 19 ta’ Ottubru 2022) paġna numru 14


Ottubru huwa marbut mat-twelid u mal-mewt tal-poeta nazzjonali Dun Karm, li twieled f’Ħaż-Żebbuġ nhar it-18 ta’ Ottubru 1871 u miet f’San Ġiljan nhar it-13 ta’ Ottubru 1961.


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien ma’ rappreżentanti tal-Kumitat Festi Nazzjonali, l-Akkademja tal-Malti u għaqdiet oħra, sellmu lill-poeta nazzjonali b’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri fuq il-mafkar tal-poeta fil-Furjana.


Waqt iċ-ċerimonja, indaqq ukoll l-innu Malti li din is-sena timmarka ċ-ċentinarju tiegħu.


“Il-poeta nazzjonali Dun Karm kien forza importanti biex Malta minn ġens saret nazzjon, mhux biss bit-tħaddim tal-lingwa Maltija imma anke għall-messaġġi b’saħħithom li kien jgħaddi. Grazzi għall-poeta nazzjonali, aħna bħala poplu esprimejna bl-aqwa mod l-ambizzjoni tagħna għall-identità tagħna,” qal il-Ministru Owen Bonnici.


L-innu Malti ġie mfakkar ukoll fit-13 ta’ Ottubru 2022 fejn Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, flimkien mal-Akkademja tal-Malti, fakkar il-poeta nazzjonali permezz ta’ serata kommemorattiva li ttellgħet taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella, bit-tema ‘L-Innu Malti – 100 sena’, fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard.



0 views

Recent Posts

See All

+150%