Kitba meħuda mill-gazzetta ‘KullHadd’ (Il-Ħadd,18 ta’ Settembru, 2022) paġna numru 20.
Il-kultura mhix biss hi bżonjuża imma wkoll importanti f’pajjiż. Hija l-mod ta’ kif persuni jesprimu ruħhom u anke mera fuq it-tradizzjonijiet u l-passat ta’ nazzjon li flimkien, sawru l-poplu kif inhu llum. Tkellimt ma’ Mary Anne Cauchi; Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija dwar il-ħidma tal-Kunsill Malti għall-Arti.
X’inhi l-ħidma u l-għan tal-Kunsill Malti għall-arti?
Il-Kunsill Malti għall-Arti huwa entità nazzjonali għolja li parti mill-ħidma tiegħu tinvolvi li l-arti u l-kultura jkunu fil-qalba tal-futur u s-soċjetà Maltija, b’mod li jappoġġja u jippromwovi s-setturi kulturali u kreattivi tagħna, permezz, fost ħafna aspetti oħra, tal-ħidma u kollaborazzjoni tiegħu mas-settur privat, u mal-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi. Il-Kunsill għandu l-għan li jkompli jinvesti fis-setturi permezz tal-iskemi ta’ finanzjament tiegħu filwaqt li jkun hemm żvilupp u ffaċilitar għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji għat-tisħiħ tal-professjonalizzazzjoni fis-settur.
Hemm sitt oqsma strateġiċi li jirriflettu dan, li huma d-diversità u l-komunitajiet; l-edukazzjoni u l-iżvilupp; l-internazzjonalizzazzjoni; l-intraprenditorija kreattiva, ir-riċerka u l-evalwazzjoni u l-investiment pubbliku. Il-Kunsill jaħseb ukoll biex jippremja l-eċċellenza u l-innovazzjoni fis-settur, permezz tal-Premju għall-Arti li jiġi organizzat ta’ kull sena. Ittellgħet ukoll il-ħames edizzjoni tiegħu aktar kmieni din is-sena u huwa l-katalist tal-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale f’Venezia għal dawn l-aħħar tliet edizzjonijiet sussegwenti. Hemm ħafna aspetti li l-Kunsill qiegħed jaħdem fuqhom għall-benefiċċju tas-settur, biss biss, għall-ewwel darba f’pajjiżna se jkollna l-ewwel Simpożju Nazzjonali Kulturali, bl-isem ‘L-Istat tal-Arti”, li se jsir fis-26 u s-27 ta’ Ottubru fil-Kampus tal-Belt Valletta tal-Università ta’Malta.
Fiex jikkonsisti l-irwol tiegħek bħala Direttur?
Bħala d-Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija nidderieġi l-operat tat-timijiet tal-fondi u l-istrateġija li jaħdmu qatigħ, speċjalment issa li nedejna l-Istrateġija 2025, u li din is-sena għandna 15-il skema bi 33 sejħa, bħala parti mill-investiment ta’ €110 miljun fis-setturi kulturali u kreattivi għall-2022. L-irwol tiegħi jinvolvi wkoll it-tfassil tal-istrateġija u l-viżjoni tal-Kunsill bħala wieħed mill-entitajiet ewlenin pubbliċi fis-settur, il-kontroll tal-proċessi ta’ finanzjament u tal-koordinazzjoni tal-oqsma strateġiċi li għandna bħala Kunsill, kif ukoll mal-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi.
Ili f’dan ir-rwol għal erba’ snin, u f’dan iż-żmien nista’ ngħid li ma niqfux naħdmu biex nindirizzaw kemm in-nuqqasijiet li hemm fis-setturi, li ovvjament kull settur għandu, kif ukoll biex inkomplu nżidu l-professjonalizzazzjoni fis-settur. Apparti minn hekk, huwa essenzjali li l-pubbliku jkun jaf x’inhu offrut minna bħala Kunsill, u aktar u aktar dwar l-importanza tal-kultura u l-arti f’ħajjitna bħala bnedmin, u nemmen li bir-rwol tiegħi, u flimkien mat-tim tal-Fondi u l-Istrateġija nistgħu nkomplu naħdmu favur dan permezz tal-iskemi u l-inizjattivi tas-settur. Naħseb li huwa essenzjali li l-pubbliku jkun jaf li l-Kunsill joffri finanzjament għal proġetti, kif ukoll għandu ħafna aspetti oħra fosthom l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-pajjiż, u li jservi ta’ spalla għas-setturi kulturali u kreattivi.
X’inhi l-istrateġija attwali li qed taħdmu fuqha?
Il-Kunsill għandu l-irwol li jkun il-mexxej strateġiku fis-settur, u fil-fatt, għadna kif nedejna Strateġija 2025, bil-mantra Isma’ Oħloq Imraħ, li ilna naħdmu fuqha għal dawn l-aħħar sentejn, wara konsultazzjoni pubblika estensiva ma’ dawk l-individwi, entitajiet u organizzazzjonijiet kollha li jikkonċernawha, għaliex ridna kemm jista’ jkun l-involviment tas-settur, għaliex fl-aħħar mill-aħħar din l-istrateġija hija biex inkomplu nsaħħu s-setturi u l-udjenzi tagħna. L-istrateġija 2025 fil-fatt tiffoka fuq bosta prinċipji, fosthom id-dritt għall-kultura u l-istatus tal-artist, b’konformità wkoll fuq livell globali u b’mod li timplimenta l-Politika Kulturali Nazzjonali 2021. Apparti minn hekk, permezz tal-Istrateġija 2025, qegħdin inkomplu nikkontribwixxu fuq livell dinji wkoll mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. L-istrateġija għandha wkoll 10 prinċipji gwida li jduru speċifikament mad-dritt għall-kultura. Dawn il-prinċipji ġew minn snin ta’ xogħol u riċerka, b’mod li jindirizzaw l-isfidi kurrenti tal-ħajja tal-lum. Għaldaqstant, il-Kunsill se jiffoka lil hinn mill-iżvilupp kulturali u jara r-rabta ta’ bejn is-soċjetà u l-ekoloġija kulturali u kreattiva.
‘‘
Naħseb li huwa essenzjali li l-pubbliku jkun jaf li l-Kunsill joffri finanzjament għal proġetti,kif ukoll għandu ħafna aspetti oħra fosthom l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-pajjiż, u li jservi ta’ spalla għas-setturi kulturali u kreattivi.
Dawn il-prinċipji ġew minn snin ta’ xogħol u riċerka, b’mod li jindirizzaw l-isfidi kurrenti tal-ħajja tal-lum. Għaldaqstant, il-Kunsill se jiffoka lil hinn mill-iżvilupp kulturali u jara r-rabta ta’ bejn is-soċjetà u l-ekoloġija kulturali u Kreattiva.
Kif taħdem is-sistema ta’ fondi u wieħed kif jista’ japplika?
Għall-2022, bħalma għedt qabel, għandna 33 sejħa għal 15-il skema, b’baġit totali ta’ €7 miljun. Dawn jiffurmaw parti minn 5 pilastri ewlenin li huma; ir-Reżiljenza; l-Arti u l-Komunità; l-Iżvilupp; l-Edukazzjoni; u l-Wirt Kulturali u Strutturali. Id-dati tal-iskemi, kif ukoll l-informazzjoni dwarhom joħorġu sena b’sena. Dan sabiex naċċertaw li nkunu qegħdin nirriflettu l-bżonnijiet tas-settur.
Dawn kollha jkunu miftuħin fiż-żminijiet speċifiċi tagħhom, bil-linji gwida jkunu fuq is-sit tal-Kunsill minn tal-inqas sitt ġimgħat qabel. L-applikazzjonijiet jiġu mressqa minn fuq is-sit tagħna stess, b’mod komdu għall-applikant li jista’ jimla l-formola online u jehmeż ukoll id-dokumenti meħtieġa. Ħdimna biex ikollna sistema li tkun faċli biex tintuża, biex dak li jkun ikun jista’ japplika b’mod aktar komdu. Apparti minn hekk noffru servizz ta’ għajnuna biex ninfurmaw lil applikanti interessati għal liema skema jistgħu japplikaw jekk ma jkunux ċerti taħt liema skema l-proġett tagħhom jista’ jikkwalifika. Għal aktar informazzjoni dwar dan wieħed jista’ jċempel fuq 23347230 jew jibgħat fuq fundinfo@artscouncil.mt
Xi skemi hemm bħalissa?
Fuq is-sit tal-KMA, wieħed isib kategorija għal kull fond li għandna għal din is-sena u d-dati meta dawn se jkunu miftuħa għall-applikazzjonijiet. Attwalment hemm bosta skemi miftuħin, fosthom l-iskema ta’ Appoġġ għall-Proġetti, l-iskema ta’ Appoġġ għat-Taħriġ u l-Iżvilupp, u l-iskema ta’ Investiment f’Organizzazzjonijiet Pubbliċi – Malta. Dawn l-iskemi kollha jgħinuna biex nimplimentaw l-istrateġija tagħna bħala kunsill u kollha jindirizzaw partijiet essenzjali biex is-setturi jkomplu jimirħu. Għaldaqstant, hemm bosta skemi, u nistieden lil dawk interessati biex jidħlu fuq is-sit tagħna www.artscouncil. mt biex jiskopru aktar kif anki huma jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi.
Kemm taħseb li huwa konxju l-poplu tal-ħidma kbira li twettqu u kemm japprezzawkom?
Naħseb li għadna rridu nkomplu naħdmu u naqdfu biex il-pubbliku jifhem l-importanza essenzjali u r-rwol fil-ħajja tagħna li għandhom il-kultura u l-arti. Pajjiżna miżgħud bi tradizzjonijiet u aspetti kulturali li nsibuhom kullimkien anki meta ma nkunux qegħdin infittxuhom. Huwa essenzjali li bħala poplu nkomplu napprezzaw mhux biss wirtna, imma wkoll il-kultura tagħna u dak kollu li jsawwarha, kemm fil-passat, u aktar u aktar fil-futur.
Messaġġ mingħandek.
Norbot il-messaġġ tiegħi mal-punti li għedt hawn fuq, li bħala Kunsill aħna se nkomplu naħdmu biex inxerrdu aktar informazzjoni dwar l-importanza tas-setturi kulturali u kreattivi u li dawn għandhom ikunu fil-qalba tal-futur tagħna. Permezz tal-ħidma tagħna bħala Kunsill permezz tal-istrateġija, l-investiment, u l-inizjattivi kollha li huma disponibbli għas-setturi.
Comments