top of page

Il-Kabinett tal-Ministri japprova emendi importanti fil-Kodiċi Kriminali dwar il-femiċidju.



Il-Kabinett tal-Ministri approva pakkett ta' emendi fil-Kodiċi Kriminali li għandhom l-għan li jintroduċu, għall-ewwel darba fl-istorja legali ta' pajjiżna, il-kunċett ta' femiċidju, jiġifieri l-qtil ta’ mara jew tifla li jkun motivat mill-ġeneru tagħha. Bis-saħħa ta' dawn l-emendi preżentati mill-Ministru għall-Ugwaljanza, r-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici u l-Ministru għall-Ġustizzja u Governanza Edward Zammit Lewis, se jsiru tliet bidliet prinċipali fil-liġijiet tagħna: il-liġi se tkun issa qed tipprovdi lista ta' ċirkostanzi femmiċidjali li wara sejbien ta' ħtija ta' omiċidju se jiggwidaw lill-Qorti biex il-piena li tingħata tkun iktar ħarxa; il-liġi se tkun ukoll qed tipprovdi illi omiċidju b'karatteristiċi ta' femiċidju se jkun eskluż milli jikkwalifika bħala omiċidju skużabbli minħabba li jkun twettaq f'passjoni istantanja; u l-liġi se tkun issa qed tkopri bl-istess mod ir-reat ta' tentattiv ta' omiċidju li jkun sar f'ċirkostanzi ta' tentattiv ta' femiċidju.


Dawn l-emendi saru wara laqgħat ta' konsultazzjoni ma’ esperti fil-qasam, li iktar kmieni din is-sena anke ippubblikaw rapporti u riċerka f'dan ir-rigward.


F'konferenza ta' l-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici spjega li dan il-pakkett ta' emendi importanti immens qed jiġi varat xahar wara l-istupru u omiċidju xokkanti ta' Paulina Dembska u f''għeluq sentejn mill-omiċidju ta' Chantelle Chetcuti. Huwa saħaq li waqt li l-Gvern wettaq riformi b'saħħithom immens fl-aħħar snin, inkluż bl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, ċerti attitudnijiet patrijarkali u miżoġeni f'pajjiżna għadhom preżenti.


"Jekk irridu li pajjiżna verament ikun l-art ta' l-ugwaljanza, fejn in-nisa u l-irġiel ikunu ugwali bil-fatti, irridu nagħmlu bidliet b'saħħithom anke fil-liġijiet tagħna, inkluż dawk kriminali," sostna l-Ministru Bonnici waqt li enfasizza li bis-saħħa ta' dawn il-bidliet Malta se tkun minn ta' l-ewwel fl-Ewropa li se tintroduċi l-kunċett ta' femiċidju fil-Kodiċi Kriminali. Huwa qal li quddiem il-vjolenza abbażi tal-ġeneru l-pajjiż kollu jrid jagħti s-sehem tiegħu biex inkomplu nirbħu iktar imħuħ u qlub favur ugwaljanza fejn jidħol il-ġeneru.


Il-Ministru Edward Zammit Lewis min-naħa tiegħu qal, “Il-Gvern wieġeb għar-reazzjoni tas-soċjetà Maltija dwar l-istupru u l-qtil ta’ Paulina Dembska li seħħ riċentament f’ tas-Sliema. L-Amministrazzjoni Robert Abela ma tridx soċjetà patrijarkali u msejjsa fuq sterjotipi tal-ġeneru”. Il-Ministru Zammit Lewis kompla billi saħaq li l-“femmiċidju” mhux ġeneralment rikonxxut bħala reat distint mill-omiċidju volontarju u dan għaliex fis-sistemà legali Maltija l-ommiċidju iġġib l-ogħla piena possibli, jiġifieri, l-għomor il-ħabs, madanakollu, il-Gvern huwa umli u sema l-karba tas-soċjetà. Sar studju mill-ewwel mill-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex jiġi aċċertat li l-mara tkun mħarsa aħjar fil-Kodiċi Kriminali tagħna. Għalhekk qed jitressaq dan l-Abbozz fejn ġew elenkati ċirkostanzi femmiċidjali ta’ qtil li għandhom jikkonvinċu lill-Qrati tagħna imorru għall-piena massima skont il-liġi. Dan ikopri ukoll it-tentattiv t’ommiċidju li jkun sar f’ċirkostanzi femmiċidjali. L-Abbozz jipprovdi wkoll illi omiċidju b’karatteristiċi ta’ “femmiċidju” ikun eskluż milli jikkwalifika bħala omiċidju skużabbli minħabba li jkun twettaq f’ “passjoni istataneja”. Il-Ministru jikkonkludi illi għalkemm dan il-Gvern għamel ħafna sabiex iħares lill-mara, u beda jatwa dak li hemm fil-konvenzjoni ta’ Istanbul, xorta jibqa’ jemmen li għandu jitwettaq aktar xogħol minn kulħadd sabiex ikun hemm “mentality shift” fis-soċjetà tagħna sabiex ninħallu mill-ktajjen tad-diskriminazzjoni kontra l-mara u l-isterejtipi ibbażati fuq il-ġeneru.


Dr Lara Dimitrijevic li tmexxi l-Women’s Rights Foundation qalet, “Illum nemmen li qed nagħmlu pass storiku fejn qed naraw impenn politiku bit-tnedija tal-abbozz li qed jagħmel viżibbli r-realta' tal-femiċidju u jwassal messaġġ sod li l-vjolenza fuq in-nisa mhix aċċettabli fis-soċjeta’ tagħna.”


Il-proċess leġiżlattiv ta' dan l-abbozz ta' liġi fil-Kamra tad-Deputati se jibda b'effett immedjat.



bottom of page