top of page

Il-Gvern se jgħaddi liġi li tissepara r-rwoli prosekutorjali u ta' konsulenza legali tal-AĠ



Il-Gvern se jkun qiegħed jgħaddi liġi li biha jinfirdu r-rwoli prosekutorjali u ta' konsulenza legali tal-Avukat Ġenerali sas-Sajf li gej, bl-ewwel qari jsir nhar it-Tnejn 25 ta' Marzu, 2019.


F'ittra li l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici bagħat lill-Ewwel Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, il-Kummissarju tal-Ġustizzja, Konsumaturi u Ugwaljanza tal-Ġeneru Vera Jourova, il-President tal-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-Parlament Ewropew Claude Moraes u l-President tal-Kummissjoni ta' Venezja fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa Gianni Buquicchio, l-Ministru Bonnici għamel referenza għall-Opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-Arranġamenti Kostituzzjonali, is-Separazzjoni tal-Poteri, l-Indipendenza tal-Ġudikatura u l-Infurzar tal-Liġi tat-18 ta' Dicembru, 2018 u qal li l-prijoritajiet ewlenin huma r-rakkomandazzjonijiet rigward il-prosekuzzjoni u dawk dwar il-ħatriet fil-Ġudikatura u d-dixxiplina tal-Ġudikatura.


It-test legali li se jwassal għal separazzjoni fir-rwoli prosekutorjali u ta' konsulenza legali tal-Avukat Ġenerali se jkun ppubblikat fil-jiem li gejjin.  Dan ir-rwol doppju ilu jiġi eżerċitat mill-Avukat Ġenerali sa mill-1936.


Fejn jidħlu r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ħatriet fil-Ġudikatura u d-dixxiplina tal-Ġudikatura, il-Gvern jaqbel ma' iktar riformi f'dan is-settur.  Il-bidliet jistgħu jsiru biss permezz ta' emendi Kostituzzjonali, li min-naħa tagħhom f'dan il-każ jistgħu jsiru biss bl-approvazzjoni ta' żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati.  Għalhekk il-Gvern se jkun qed iniedi b'effett immedjat proċess ta' konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni Parlamentari bil-għan li jintlaħaq qbil malajr kemm jista' jkun.


Minbarra dan, nhar it-Tnejn 25 ta' Marzu 2019  l-Gvern se jkun qiegħed imexxi 'l quddiem l-ewwel qari ta' diversi abbozzi ta' liġijiet sabiex isiru l-bidliet meħtieġa fir-rigward tal-Ombudsman, is-Servizz Ċivili (Segretarji Permanenti), is-Servizz ċivili (Pozizzjonijiet ta' fiduĊja), Kummissjonijiet Indipendenti u l-Pulizija.  Dawn it-testi legali se jiġu ppubblikati fiż-żmien li ġej u l-mira tal-Gvern hi li dawn il-bidliet jidħlu qabel l-aħħar tas-sena kurrenti.  Ħafna mill-bidliet jinneċessitaw il-qbil ta' żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati.

Dawn kollha flimkien jirrappreżentaw terz tal-bidliet li dwarhom tkellmet il-Kummissjoni ta' Venezja.

Se jsir ukoll proċess ta' konsultazzjoni fuq il-miżuri ta' transizzjoni u dan kif ġie suġġerit mill-Kummissjoni ta' Venezja stess.  Dawn il-miżuri huma meħtieġa sabiex it-transizzjoni tkun waħda li ssir bi ħsieb u bil-galbu u jiġu evitati diffikultajiet u inċertezzi legali.


Il-Gvern jemmen li dan il-proċess se jkun spedit u li se jkompli jibni fuq il-ħafna riformi li diġà saru u li l-Gvern hu kommess li jwettaq.  Tant hu hekk li, kif jingħad mill-Kummissjoni ta' Venezja stess, il-Gvern sa mill-2013 diġà implimenta numru ta' bidliet Kostituzzjonali u legali.

L-ittra qed tiġi ppubblikata ma' din l-istqarrija.

bottom of page