top of page

Il-ftira se tkun l-ewwel element li jitressaq għal-lista tal-wirt kulturali intanġibbli tal-UNESCO


Il-Gvern ta’ Malta, permezz tad-Direttorat tal-Kultura, se jkun qiegħed iressaq il-ftira u l-arti kulinarja tagħha bħala l-ewwel element lokali biex ikun parti mil-lista tal-wirt kulturali intanġibbli tal-UNESCO.

Fl-2017, il-Parlament approva li Malta tirratifika l-konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-wirt kulturali intanġibbli, għaldaqstant permezz ta’ din ir-ratifikazzjoni, Malta tista’ tippproponi elementi intanġibbli mill-kultura tagħna u tressaqhom għall-kunsiderazzjoni tal-UNESCO biex ikunu parti mill-wirt dinji.


“Dan ix-xogħol kollu li sar s’issa ma jieqafx fil-ġranet li ġejjin, meta nkunu qed inwasslu l-applikazzjoni ta’ Malta quddiem il-bord tal-UNESCO, anzi jintensifika fix-xhur u fiż-żmien li ġej, fejn se nkunu qegħdin naraw kif permezz ta’ numru ta’ inizjattivi se nkomplu nwessgħu u nsaħħu dan l-element tant importanti tal-kultura tagħna. Dan hu kollu parti mill-istrateġija tal-Gvern li permezz ta’ numru ta’ inizjattivi speċifiċi qed inkomplu nsaħħu u nwasslu b’mod nazzjonali u internazzjonali l-kultura tagħna. Rikonoxximent bħal dan ser iwassal sabiex il-Maltin ikunu aktar kburin bil-wirt kulturali intanġibbli ta’ pajjiżna, filwaqt li n-numru li dejjem jikber ta’ turisti li jżuruna jkunu jistgħu jesperjenzaw lati differenti tal-kultura tagħna,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.


Biex inbeda dan il-proċess, inħatar Bord Nazzjonali għall-Wirt Kulturali Intanġibbli sabiex jilqa’ nominazzjoni mingħand il-komunitajiet Maltin u Għawdxin u jinħoloq l-Inventarju Nazzjonali tal-wirt kulturali intanġibbli. Sal-lum, diġà tpoġġew seba’ elementi fuq l-Inventarju Nazzjonali.


Minn dawn is-sebgħa ġie deċiż li l-ftira u l-arti kulinarja tagħha, li żgur hu wieħed mill-elementi ewlenin li jirrappreżenta l-identità nazzjonali tagħna, jitressaq quddiem il-UNESCO għall-inklużjoni tiegħu fuq din il-lista dinjija li tista’ twassal għal rikonoxximent tant prestiġġjuż, u anki sabiex din l-arti tkun protetta u tingħata l-impetu li jistħoqqilha.


Il-proċess kien jitlob li jiġu involuti dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam, jiġifieri l-furnara, speċjalment dawk li għadhom jaħdmu l-ftira b’mod artiġjanali. Instab ukoll appoġġ tal-pubbliku inġenerali għax biex titressaq nominazzjoni, il-UNESCO tesiġi u trid tipprova li l-poplu jrid, li f’dan il-każ, il-ftira u l-arti kulinarja u l-kultura tal-ħobż f’Malta, jkunu jirrappreżentaw lil pajjiżna biex imbagħad jitqiesu parti mill-wirt dinji.

Dan l-element ġie magħżul minħabba li l-UNESCO tisħaq li f’dan l-eżerċizzju ta’ nominazzjoni, trid tkun il-komunità li tersaq ’l quddiem biex tinnomina. L-interess li ntwera mill-furnara u nies li għandhom rabta ma’ dan il-qasam kien jiżboq nominazzjonijiet oħra.


Il-Ministru Bonnici għalaq id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ lill-għaqdiet u komunitajiet Maltin sabiex jgħożżu l-wirt kulturali intanġibbli biex fis-snin li ġejjin jiġu nominati aktar elementi mill-wirt kulturali tagħna għall-kunsiderazzjoni tal-UNESCO, biex aspetti oħra ta’ wirt kulturali tagħna jkunu rikonoxxuti minn popli oħra speċjalment minħabba l-wirt kulturali intanġibbli għani li jgawdi minnu pajjiżna.



bottom of page