top of page

Iktar investiment għal iktar faċilitajiet għall-komunità tal-Belt Valletta



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet li għaddejjin mid-Direttorat tar-Restawr fil-binja li f’parti minnha hemm il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. Dawn ix-xogħlijiet ta’ restawr u rinovar se jwasslu għal faċilitajiet ġodda għall-komunità, kif ukoll klinika medika lokali fil-binja. Se jkun hemm librerija lokali, filwaqt li se jiġi installat ukoll lift biex jitjieb l-aċċess għal-Librerija Nazzjonali.


“Bħala Gvern impenjati li nipprovdu aktar aċċessibbiltà lill-membri tal-komunità tagħna. Grazzi għal dan il-proġett qegħdin inressqu aspetti importanti aktar viċin il-pubbliku, għall-benefiċċju tas-soċjetà. Id-Direttorat tar-Restawr bħalissa qiegħed jaħdem fuq 71 proġett, bl-għan li nkomplu nsaħħu l-wirt tagħna, filwaqt li nagħmluh aktar aċċessibbli għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri,” qal il-Ministru Bonnici waqt iż-żjara tiegħu.


Ix-xogħol jinkludi t-tindif tas-sular ta’ taħt il-binja miż-żoni ta’ esebizzjoni li kien hemm qabel, li jinkludu injam, ġibs u ħitan diviżorji u materjali oħra preżenti fis-sit. Dan is-sular hu kbir madwar 500m2, b’hekk l-ispazju disponibbli għal Kunsill se jikber b’mod konsiderevoli, b’benefiċċju għall-komunità.


Wara t-tindif tas-sular ta’ taħt, se jkun hemm bżonn ta’ alterazzjonijiet interni fis-sular terran. Ix-xogħlijiet jinkludu t-tneħħija tal-lift eżistenti, it-tneħħija tat-taraġ u x-shaft sas-sular ta’ taħt, kif ukoll it-tneħħija ta’ parti minn biċċa tas-saqaf, it-tpoġġija ta’ saqaf ġdid tal-konkrit minflok it-taraġ fis-sular terran u t-tneħħija ta’ travi tal-ħadid, u l-bini ta’ arkata minflok żewġ twieqi li jħarsu lejn il-bitħa interna. Xogħlijiet oħra jinkludu restawr u rikostruzzjoni fejn ikun hemm bżonn tal- faċċata u tal-bibien tal-faċċata li tagħti fuq Triq it-Teatru l-Antik.


Se jseħħ ukoll restawr intern u xogħlijiet ta’ tlestija fis-sular terran. Ix-xogħlijiet jikkonsistu fit-tindif ta’ kisi tal-konkrit li diġà qegħdin hemm u t-tneħħija ta’ żebgħa u tiżjin fuq il-ħitan u s-saqaf. Se jkun hemm ftuħ ta’ fili sabiex dawn jimtlew b’taħlita ta’ ġir apposta. Il-ħitan li kienu mbaqqna se jiġu miksija b’kisi apposta.

Ix-xogħlijiet ta’ tlestija jinkludu l-installazjoni ta’ trinka li sservi għat-tqegħid ta’ pajpijiet tar-ramm insulati, għall-arja kkundizzjonata u kanali tal-UPVC għall-cables tal-elettriku. Se jitqiegħdu folji apposta kontra l-umdità biex jipproteġi il-konkrit, li se jservi bħala bażi għal madum tal-irħam ġdid. Fl-aħħar se jiġu installati ħitan tal-ġibs, kif ukoll komponeti oħra sabiex titlesta l-klinika.


Ix-xogħol fuq il-faċilitajiet u l-klinika huwa mistenni li jitlesta sal-aħħar tas-sajf, b’investiment ta’ €200,000.




bottom of page