top of page

Iċ-Ċentru Radikali

Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali



Meta s-soċjologu ta’ ċertu importanza Donald I Warren fis-snin 70 ħoloq it-terminu “ċi-ċentru radikali”, irnexxilu – għallinqas fil-fehma tiegħi - jimla vojt kbir fid-dinja tal-ħsieb politiku.


Skont Sam Tanenhaus, li jikteb għan-New York Times, meta Warren ħoloq din il-frażi hu kien qed jirreferi għal dawk il-votanti li aħna ngħidulhom “floaters” illi għaqqdu flimkien veduti taċ-ċentru xellug fuq ċertu suġġetti u veduti taċ-ċentru lemin fuq suġġetti oħrajn.


Probabbilment Warren kellu f’moħħu dawk li jħarsu lejn ix-xellug għad-diskussjonijiet ekonomiċi u lejn il-lemin fuq kwistjonijiet marbuta ma’ drittijiet ċivili u immigrazzjoni.


Imbagħad maż-żmien fl-isfera internazzjonali, inħolqot mewġa ta’ votanti “floaters” li għamlu preċiżament bil-kontra u għaqqdu flimkien veduti taċ-ċentru lemin fejn tidħol l-ekonomija u veduti taċ-ċentru xellug fejn jidħlu issues marbuta ma’ drittijiet ċivili, immigrazzjoni u oħrajn. Dawn issa saru ċ-ċentru radikali l-ġdid, il-verżjoni two point zero jekk trid issejħilha hekk ta’ din id-domma jew ħsieb politiku.


Imbagħad issib awturi, bħal John Judis, li jispjegaw li jeżistu żewġ tipi ta’ ċentri radikali fl-istess nifs skont jekk wieħed għandux il-mezzi jew le. Skont Judis, dawk li m’għandhomx il-mezzi jippreferu ċ-ċentru radikali verżjoni one point zero biex ngħidulha hekk, waqt li dawk il-mezzi jippreferu ċ-ċentru radikali verżjoni two point zero.


Dan kollu, fil-fehma tiegħi, inbidel meta tfaċċa fix-xena Bill Clinton, wieħed mill-iġganti tal-politika moderna. Il-ħila ta’ Bill Clinton kienet li qabad ċ-ċentru radikali verżjoni 2.0 u biddlu f’libsa politika li tidher sabiħa fuq kulħadd.


Dak li forsi qabel kien jappartjeni lill-ftit, Bill Clinton ġabu ta’ kulħadd. X’kien is-sigriet tas-suċċess ta’ Bill Clinton? Saħħa tremenda fil-komunikattiva u saħħa tremenda fis-sustanza.


Fil-komunikattiva Clinton kien dejjem jilgħab fuq il-modestja u fl-istrait-talking. Kien jitkellem b’mod li jgħidlek: isma’ kun liberu li ma taqbilx miegħi, imma ilpożizzjoni tiegħi hi din.


Jew inkella: Ma nsibx problema li ma tivvotalix, imma tajjeb li tkun taf li jien nemmen hekk. U jgħid dak li jemmen fih bla kantunieri.


F’wieħed mill-podcasts tiegħu, Clinton jgħid hekk: “I think one of the ways you win elections is by talking straight with people and giving them permission to vote against you ... If you really disagree with this, then you will go out and take another choice, but here’s why I think it’s better for you.”


Fejn tidħol is-sustanza, jien għadni affaxxinat kif Clinton kien irnexxilu jaqbad l-essenza taċ-ċentru radikali v 2.0 u jdawru f’valuri li jappellaw għal kulħadd u mhux għall-hekk imsejjaħ “mushy middle” biss. Għamel l-istess bħalu Barack Obama fejn qabad ilpreferenzi tematiċi ta’ l-affluwenti u dawwarhom fi preferenzi għal familja wiesgħa ta’ persuni.


Nittanta ngħid li l-pedamenti sostantivi ta’ Clinton (u forsi ta’ Obama wkoll?) kienu: t-teknoloġija u l-avvanzi li din iġġib, li iktar ma jikber in-negozju dinji iktar jitwieldu affarijiet tajbin u li n-negozju u n-negozjanti ta’ suċċess huma ħbieb tal-ħaddiem u mhux għedewwa tal-ħaddiem. Dawn kollha, skont Clinton (għallinqas kif naraha jien) joffru tama għal futur aħjar.


In kontrokambju għal dawn il-fundamenti ċentru-leminin, id-dottrina Klintinjana timbotta fl-istess ħin valuri xellugin – li tipproteġi l-iktar vulnerabbli u li tinvesti fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fit-tfal biex tikber il-mobbilta’ soċjali. U fl-istess waqt jiġu ċċelebrati d-drittijiet u l-libertajiet tal-individwu, b’vitalita’ u enerġija. Naturalment ma nistax f’dan kollu ma nsemmix ukoll lil Tony Blair li forsi jista’ jitqies li korrispettiv Ingliż ta’ dan kollu li qed insemmi dwar iċ-Ċentru Radikali 2.0.


U tabilħaqq it-tnejn li huma għandhom similitudnijiet oħra, din id-darba fin-negattiv fejn tidħol ir-reputazzjoni tagħhom. Clinton qala’ daqqa’ kbira għar-reputazzjoni tiegħu mod u Blair qala’ daqqa kbira mod ieħor.


Naturalment, id-dinja inbidlet minn żmien Clinton u Blair u qed tkompli tinbidel. Biss, xorta nemmen li ċ-ċentru radikali “2.0” (ma nafx nispjegaha aħjar milli nuża t-terminu 2.0) hi l-aħjar triq ‘il quddiem u rridu niddefenixxu ċ-ċentru u ċ-ċentriżmu b’mod li jappella u li jinftiehem aħjar għal kulħadd.


Għax imbagħad l-alternattiva x’inhi? Il-politika tribali tal-aħmar u l-blu? Il-politika tal-attakki personali li tant iħobbu jmexxu l-quddiem il-blue heroes? Il-politika li tħares lura flok il quddiem lejn il-politika tat-tama u l-aspirazzjoni?


Blair jgħid li hu ottomist għaliex jeżisti l- “human spirit — which I believe is basically benign, even though people can of course behave very badly — that human spirit is what will us through ultimately, but it needs agency. It needs us to get behind it and do it.”


Dan kollu jagħtina spinta u enerġija kbira biex il-100 sena li jmiss tal-Partit Laburista jkun ta’ tiġdid komparat mal-100 sena li għaddew tal-Partit Laburista, ispirati mir-revoluzzjonijiet teknoloġiċi li tant qed ikunu dejjem iktar fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna.


It-teknoloġija hija opportunità. Hija sfida. Hija rotta biex noħolqu soċjetà ġdida u soċjetà aħjar.


Il-valuri li semmejt qabel li tant tħaddmu tajjeb minn Clinton u nies oħrajn huma l-ġebla tax-xewka u kontinwament trid tinbena familja dejjem tikber ta’ nies li jemmnu fihom. Iżda, b’differenza għal dak li seħħ fis-snin 90 u fil-bidu tal-millenju l-ġdid, irridu nħarsu lejn kollox mill-ottika ta’ din il-mewġa teknoloġika b’saħħitha li qed iġġib il-bidla.


F’Jum il-Ħaddiem li se jiġi ċċelebrat għada, għandna ħafna għalfejn niċċelebraw il-kisbiet li wettaqna flimkien taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela.


Biżżejjed niftakru fejn konna fl-eqqel tal-pandemija u kif dak iż-żmien Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela daħħal idejh fil-but u salva mhux biss il-ħajjiet, imma anke n-negozji u l-postijiet tax-xogħol. Hekk kif għaddiet il-pandemija, mbagħad, pajjiżna seta’ jitlaq jiġri ‘l quddiem lejn irkupru b’saħħtu u qawwi.


Mhux ta’ b’xejn li qed naraw tkabbir ekonomiku rekord meta kkumparat mal-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Mhux ta’ b’xejn bħalissa għandna l-kbar numru ta’ ħaddiema li qatt kellu pajjiżna fl-istorja. Mhux ta’ b’xejn bħalissa qed noħolqu għexieren ta’ eluf ta’ impjiegi ġodda kull sena.


Għandna ħafna għalxiex niċċelebraw Jum il-Ħaddiem.


Jum il-Ħaddiem huwa ta’ kulħadd – ta’ kull min joħroġ għax-xogħol. Ta’ min jaħdem u ta’ min joħloq l-impiegi.


Jiena kburi ħafna li kont parti, kull ġurnata fl-aħħar ġenerazzjoni, ta’ Gvernijiet Laburisti li ħolqu listi twal ta’ riformi favur il-ħaddiem – iċ-childcare b’xejn għal kulħadd, il-parental leave, għodod ġodda għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, żiedet fil-minimum wage u tant u tant benefiċċji ġodda.


Anke dawk li ħadmu għal ħafna snin u rtiraw, taħt Gvern Laburista raw żidiet fil-pensjonijiet tagħhom. Fl-istess waqt għal ġenerazzjoni sħiħa ma rajna l-impożizzjoni ta’ ebda taxxa ġdida. Forsi għal xi wħud din saret xi ħaġa li tittieħed for granted imma meta tirrifletti tinduna bil-kobor tat-tmexxija Laburista li tinċentiva kemm tiflaħ il-ħolqien tal-ġid.


Jien inħeġġeġ lil kulħadd biex għada jingħaqad fil-Belt Valletta u jattendi għad-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela u jagħti s-support tiegħu għall-ħidma li qed titwettaq għal Malta aħjar, favur iktar xogħol u iktar suċċess għal kulħadd.


Viva Jum il-Ħaddiem!




bottom of page