top of page

Heritage Malta tkompli żżid l-aċċessibbiltà fis-settur kulturali permezz tat-tnedija tal-Passaport t



Wara s-suċċess tal-passaport tal-istudenti ta’ Heritage Malta, u r-rispons li wasal minn setturi varji, l-aġenzija fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, iddeċidiet li tniedi skema simili mmirata għal ċittadini kbar permezz tal-Passaport tal-Kbar ta’ Heritage Malta.

“B’din l-inizjattiva, qegħdin nassiguraw aktar aċċessibbiltà għaċ-ċittadini anzjani biex jesploraw il-kultura u l-patrimonju tagħna. L-istorja għandha parti intrinsika fl-identità tagħna, u l-istrateġija tagħna hi biex nassiguraw li kulħadd jista’ japprezza u jgawdi dawn is-siti u postijiet. Aħna impenjati biex inkomplu nsaħħu dan is-settur li kulma jmur qiegħed jikber u li hu verament apprezzat minn kulħadd,” stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.


B’dan il-passaport, kull anzjan/a flimkien ma’ żewġ żgħażagħ, huma intitolati għal aċċess bla ħlas u bla limitu fis-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta (apparti l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni). Din l-iskema għandha l-appoġġ tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u se jkun hemm memorandum ta’ qbil li se jiġi ffirmat fil-jiem li ġejjin biex tiġi implimentanta din l-iskema b’mod effettiv.


Dawk l-individwi li għandhom minn 60 sena ’l fuq, huma mistiedna japplikaw għal dan il-Passaport tal-Kbar billi jmorru bil-karta tal-identità fil-kunsill lokali tagħhom. Il-ħaddiema tal-kunsill lokali se jirreġistrawhom fis-sistema, u fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol, l-applikanti jirċievu bil-posta l-passaport flimkien ma’ fuljett b’informazzjoni.


Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis tkellem kif din l-inizjattiva hija pass ieħor importanti fil-ħidma ta’ dan il-gvern fl-anzjanità attiva. Din l-inizjattiva ser isaħħaħ l-aspett kulturali u storiku tal-anzjani tagħna. Huwa stqarr li filwaqt li ser jissaħħaħ l-għerf kulturali tal-anzjani, huwa persważ li l-anzjani sejrin jaqsmu l-istess għerf mal-ġenerazzjoni żagħżugħa. Minbarra li l-anzjani qegħdin jiġu mħeġġa jibqgħu attivi wkoll fil-kultura Maltija u jżuru dawn is-siti storiċi li jiffurmaw parti importanti mill-istorja ta’ pajjiżna, l-anzjani ser ikunu wkoll jistgħu jiġu akkumpanjati minn żewġ żgħażagħ.


Huwa sostna li t-taħlit bejn ġenerazzjonijiet differenti jħalli frott importanti u jiġu transmetti valuri, tagħlim u esperjenzi tal-ħajja. Permezz ta’ din l-inizjattiva iktar flus ser jibqgħu fil-but tal-anzjani tagħna u b’hekk qegħdin ukoll inkomplu ntejbu l-livell tal-għejxien tal-anzjani.

Dawk li jkollhom il-Passaport tal-Kbar ta’ Heritage Malta jistgħu jgawdu minn żjarat bla limitu u bla ħlas fis-27 sit tal-aġenzija, li jvarjaw minn tempji u għerien preistoriċi, djar u ħabs storiċi, fortizzi u palazzi, u selezzjoni ta’ mużewijiet li jirrelataw man-natura, l-arkeoloġija, il-marittimu, it-tifkiriet tal-gwerra u l-arti. Waqt kull żjara, il-passaport għandu jiġi ttimbrat peress li ma’ kull kollezzjoni ta’ 8 timbri, jingħata rigal sabiħ lis-sid tal-passaport, għat-total ta’ 3 rigali.


Din l-iskema ġdida ta’ Heritage Malta li ser tiġi fis-seħħ matul ix-xahar ta’ Mejju, se tkun qed toffri opportunità unika lill-anzjani biex jersqu aktar lejn iż-żgħażagħ u jaqsmu magħhom esperjenzi validi u awtentiċi. Dan huwa wkoll mod ġdid ta’ kif wieħed jista’ jibdel ġranet ordinarji f’mumenti straordinarji.




bottom of page