Open Site Navigation

Heritage Malta takkwista l-fdalijiet ta’ villaġġ ta’ żmien il-Bronż mirdum f’Borġ in-Nadur



Heritage Malta xtrat biċċa art f’Borġ in-Nadur li tkopri medda ta’ kważi 13-il tomna u li taħt parti minnha hemm mirdum villaġġ ta’ żmien il-Bronż. Mil-lat ta’ spazju, dan hu l-ikbar akkwist ta’ valur arkeoloġiku li qatt għamel l-Istat. Dan l-akkwist sar b’investiment totali ta’ €200,000.


F’konferenza tal-aħbarijiet fis-sit, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici esprima sodisfazzjon għall-fatt li mil-lat ta’ daqs ta’ art, dan huwa l-ikbar akkwist ta’ valur arkeoloġiku li qatt għamel l-Istat. Żied jgħid li din tal-lum hija parti minn ħidma kontinwa li qed twassal biex tingħata tifsira ġdida għall-aċċessibbiltà tal-patrimonju tagħna. Aktar minn hekk, qed tingħata tifsira ġdida għall-patrimonju tagħna li ma rriduhx ikun biss ġo vetrina biex inħarsu lejh, imma ngħixuh u nħossuh għax huwa dak li jagħmilna nazzjon.


Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li s-sit li ġie akkwistat hu pjuttost uniku għax huwa marbut l-aktar mal-perjodu tal-Bronż, u mhux mal-perjodu tat-tempji bħalma huma siti preistoriċi oħra taħt il-ħarsien tal-aġenzija. B’hekk Heritage Malta għandha opportunità ġdida biex tispjega lat ieħor tal-preistorja Maltija li qabel ma kienx rappreżentat minn sit fiżiku fi ħdanha.


B’Wied Żembaq fuq naħa, Wied Dalam fuq in-naħa l-oħra u xtajta n-naħa tan-Nofsinhar, l-inħawi magħrufa bħala Borġ in-Nadur minn dejjem kienu meqjusa importanti minn perspettiva storika. Il-fdalijiet strutturali fis-sit kienu oriġinarjament maħsubin ta’ żmien il-Feniċi jew ir-Rumani. Kien biss fl-1881 li sar intervent fuq ħajt megalitiku fis-sit, li aktar tard ġie stabbilit li jmur lura sa żmien il-Bronż. Lejn tmiem is-seklu 19, il-filologu Ġermaniż Albert Mayr ħareġ bil-proposta li l-fdalijiet kienu ta’ raħal preistoriku fortifikat, minħabba xi għarajjex li identifika minn pjanti tal-iskavi li saru fis-snin 80 tas-seklu 19.


L-idea ta’ raħal fortifikat ta’ Żmien il-Bronż tagħmel ħafna sens billi jidher li f’dak il-perjodu l-abitanti tal-gżira kienu jħossuhom aktar siguri jgħixu fl-inħawi li jew kienu diffiċli biex jintlaħqu jew inkella kienu aktar faċli biex wieħed jiddefendihom. L-għadd kbir ta’ ħofor użati bħala silos tul il-kosta huma wkoll marbuta ma’ dan il-perjodu fil-preistorja ta’ Malta.


Lil hinn mill-perspettiva preistorika, dan is-sit għandu wkoll potenzjal kbir biex joffri attivitajiet edukattivi u divertenti għal udjenzi differenti kif ukoll opportunitajiet ta’ riċerka arkeoloġika u ta’ kollaborazzjonijiet lokali u barranin. Il-potenzjal ta’ dan is-sit tant hu estensiv li wieħed ikun jista’ jżuru repetutament u kull darba jgawdi esperjenza li tvarja minn ta’ qabilha. Huwa stmat li fil-post jistgħu jiġu organizzati mal-40 attività tematika differenti li joffru avventura u edukazzjoni fl-istess ħin, fosthom xogħol tal-fuħħar, ħsad ta’ qamħ, tisjir ta’ ħobż bla ħmira, insiġ, u manifattura ta’ għodda.






0 views