top of page

Heritage Malta b’aktar minn 70 attività fl-ewwel sitt xhur tas-sena

Updated: Feb 8, 2023

Kitba meħuda mill-Orizzont (Il-Ġimgħa 20 ta’ Jannar 2023) paġna numru 8.




Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-kalendarju ta’ Heritage Malta b’aktar minn 70 attività għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, fejn qed tiġi preżentata għażla wiesgħa ta’ avvenimenti u esperjenzi li jistgħu jitgawdew minn nies ta’ kull età.


Waqt it-tnedija tal-kalendarju, il-Ministru Bonnici qal li dawn l-inizjattivi jservu ta’ opportunità biex iressqu lill-pubbliku lejn diversi aspetti tal-istorja u l-kultura Maltija.


“Dan il-programm tal-lum huwa ħolqa oħra minn ħidma sħiħa li twassal biex tingħata tifsira ġdida tal-aċċessibbiltà għall-patrimonju tagħna. Aktar minn hekk, tifsira ġdida lill-patrimonju li ma rriduhx ikun ġo vetrina biex inħarsu lejh u nistagħġbu bih biss imma ngħixuh u nħossuh għax hu dak li jagħmilna bħala poplu,” qal Dr Owen Bonnici.


Il-kalendarju, li jkopri l-perjodu sal-aħħar ta’ Ġunju, huwa immirat lejn it-tfal, iż-żgħażagħ, l-akkademiċi kif ukoll il-pubbliku ġenerali. L-attivitajiet ivarjaw minn esperjenzi ta’ gost u tagħlim għat-tfal għal wirjiet, rappreżentazzjonijiet minn atturi, attivitajiet għall-membri ta’ Heritage Malta, taħdidiet minn kuraturi, tours tematiċi, ftuħ speċjali ta’ siti magħluqin, dawriet fuq il-baħar, mixjiet b’tema storika, esperjenzi fl-ekwinozju, kif ukoll ikliet organizzati minn Taste History li hija l-fergħa gastronomika ta’ Heritage Malta.


Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li bħala l-protettur ta’ aktar minn 8,000 sena ta’ storja, l-aġenzija għandha l-missjoni li tħares il-wirt kulturali ta’ pajjiżna u tagħmlu aċċessibbli għal kulħadd, kemm fiżikament kif ukoll virtwalment, u b’hekk tikkontribwixxi biex l-identità kulturali ta’ Malta tkun apprezzata aktar.




bottom of page