Id-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ħa azzjoni fuq talba li saret mill-Kunsill Lokali tal-Isla sabiex isir xogħol ta’ restawr fuq il-ħajt tas-swar li jibqa’ sejjer għal Boiler Wharf minn Triq is-Sur biex jiġi eliminat periklu u jitħares il-wirt patrimonjali ta’ pajjiżna.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, tħabbar kif b’kollox qed jiġu investiti €140,000 għal dan ix-xogħol ta’ restawr li beda f’Mejju tal-2022 u mistenni jieħu perjodu ta’ erba’ xhur sabiex jitlesta. Dawn ix-xogħlijiet jagħmlu parti minn proġetti oħra li qed isiru mid-Direttorat tar-Restawr flimkien mal-Fondazzjoni tal-Kottonera.
Il-Ministru Bonnici sostna li, “Huwa grazzi għal inizjattivi ta’ din is-sura li jkollna l-opportunità li nkomplu nieħdu ħsieb il-wirt nazzjonali tagħna, wirt li jsawwar l-identità tagħna bħala poplu. Dan ir-restawr jissodisfa l-istrateġija kulturali tagħna b’mod li wirtna jkun aktar aċċessibbli kif ukoll għat-tisħiħ tal-lokalitajiet tagħna.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill Lokali tal-Isla li ħa azzjoni sabiex jiġi restawrat is-sur. “Restawr fuq wirt kulturali Malti jippermettilna nkomplu ngawdu dak li ħallewlna missirijietna” qalet is-Segretarju Parlamentari, filwaqt li rringrazzjat lid-Direttorat tar-Restawr tax-xogħol li qed jagħmlu fuq is-sur.
Hija rringrazzjat ukoll lill-Fondazzjoni Kottonera tal-impenn tagħhom lejn il-lokalitajiet u r-residenti tal-Kottonera u tal-investiment favur dan il-proġett.
Iċ-Chairman tal-Cottonera Foundation Glenn Bedingfield sostna li, “Bħalissa għaddejjin diversi xogħlijiet ta’ restawr u proġetti oħra madwar il-Kottonera li l-valur tagħhom huwa ta’ madwar €20 miljun. Il-Gvern jibqa’ impenjat illi jimplimenta l-istrateġija li fassal għall-Kottonera u jibqa’ jinvesti biex jgħolli l-istandards ta’ dawn il-lokalitajiet u tan-nies li jgħixu fihom”.
Il-Perit responsabbli minn dan ix-xogħol, Amanda Degiovanni, spjegat fid-dettall ix-xogħlijiet li saru u qed isiru. “Il-ħajt tal-fortifikazzjoni kien f’kundizzjoni ħażina ħafna, b’ġebel fi stat ta’ deterjorazzjoni kbira u b’żoni f’riskju ta’ kollass. Ix-xogħlijiet li twettqu kienu jinkludu t-tibdil ta’ ġebel u t-tliet arkati eżistenti, li qabel kienu imblokkati, issa reġgħu nfetħu. Sar xogħol ukoll ta’ tindif fejn tneħħiet is-swidija minn taħt l-arkati.”
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Sindku tal-Isla Clive Pulis flimkien mal-Kunsilliera Corinne Buhagiar.
Comments