top of page

Ftehim għal sussidji għall-persuni b’diżabilità li jżuru ċ-Ċentru Esplora


Ftehim bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja se jkun strumentali biex persuni b’diżabilità jibbenefikaw minn esperjenzi varji ta’ tagħlim u divertiment li joffri ċ-Ċentru Esplora fil-Kalkara. Permezz ta’ dan il-ftehim se jkunu jistgħu jibbenefikaw ftit inqas minn 21,000 persuna li għandhom il-Karta tad-Diżabilità tal-Unjoni Ewropea.

Fost l-inċentivi li jaħseb għalihom dan il-ftehim hemm l-organizzazzjoni ta’ żjarat l-Esplora minn gruppi ta’ persuni b’diżabilità li jattendu ċ-ċentri ta’ matul il-jum jew jgħixu fir-residenzi ta’ persuni b’diżabilità tal-Aġenzija Sapport, kif ukoll persuni oħrajn li wkoll ikollhom xi diżabilità. Se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn l-inċentivi anke l-persuni li jkunu qed jakkumpanjaw lill-persuni b’diżabilità. Benefiċjarji oħrajn huma Għaqdiet Mhux Governattivi bħall-Autism Parents Association, Deaf Club Malta, ADHD Malta, u organizzazzjonijiet taħt l-awspiċi tal-kunsilli lokali jew parroċċi. Permezz ta’ dan il-ftehim se jkun issussidjat il-ħlas tal-entratura kif ukoll il-ħlas għas-servizzi offruti mill-istess ċentru.

L-iffirmar tal-ftehim sar miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella.

F’diskors qasir qabel l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara COVID-19 Owen Bonnici sostna li l-qasam tax-xjenzi huwa importanti għall-avvanz ta’ pajjizna u huwa kruċjali li l-bibien tad-dinja tax-xjenzi jkunu miftuħa għal kulħadd. “Iċ-ċentru Esplora għandu jkun id-dar naturali tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, inkluż il-persuni li għandhom diżabilità li għalina huma importanti ħafna”, qal il-Ministru Bonnici. Il-ministru qal li hu jrid iktar persuni li jidħlu fid-dinja tax-xjenzi għall-avvanz tar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna u huwa għalhekk importanti li iktar persuni jersqu lejn ċentri bħalma hu l-Esplora. Saħaq li dan il-ftehim isegwi ftehimiet oħrajn li wkoll għandhom l-għan li jinċentivaw iktar u iktar persuni biex iżuru dan iċ-ċentru li jagħti togħma tal-possibbiltajiet kbar li hemm fix-xjenzi.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li, “Permezz ta’ dan il-ftehim se nkunu qegħdin niffaċilitaw aktar id-dritt ta’ tgawdija ta’ esperjenzi varji ta’ tagħlim u divertiment li persuni b’diżabilità għandhom dritt għalihom daqs kull membru ieħor tas-soċjetà Maltija. Ftehim li se jkun qiegħed jinċentiva mhux biss lill-eluf ta’ persuni b’diżabilità imma wkoll lill-entitajiet governattivi u għaqdiet volontarji li qegħdin jagħmlu xogħol kbir u siewi ma’ dawn il-persuni”. Hija żiedet tgħid li “Aktar minn hekk il-persuni l-aktar ikkonċernati, il-persuni b’diżabilità, se jkomplu jħossuhom li huma daqs u bħal ħaddieħor, li huma parti integrali mis-soċjetà Maltija, li l-aspirazzjonijiet tagħhom huma bħal u daqs ta’ ħaddieħor u li ma għandu jkun hemm xejn li jxekkilhom milli jilħquhom. Ebda persuna m’għandha tiffaċċja xi forma ta’ restrizzjoni fejn tidħol aċċessibilità għal dak kollu li toffri l-ħajja, inkluż fil-qasam edukattiv, formali jew le. B’aċċessibilità ma nfissirx biss aċċessibilità fiżika imma wkoll aċċessibilità għal kull aspirazzjoni li jista’ jkollna kull wieħed u waħda minna tul ħajjitna.”

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando qal li, “Esplora huwa msawwar fuq il-kunċetti ta’ diversità u accessibilità fejn tidħol l-edukazzjoni informali. Żied jgħid li, “Ir-rikonoxximent li l-persuni b’diżabilità mhumiex grupp omoġenju huwa importanti ferm għal Esplora għax b’hekk nistgħu nagħrfu u nqisu l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-individwi. Aħna qed nirrikonoxxu wkoll li kemm l-aċċessibilità fiżika u dik marbuta mat-tagħlim jeħtieġ li jkomplu jiġu indirizzati sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan il-ftehim.” Huwa saħaq li Esplora se jkun qed jaħdem qatigħ flimkien mal-entitajiet rispettivi sabiex ikomplu jiġu offruti attivitajiet xierqa u inklużivi.

Iċ-ċerimonja tal-iffirmar kienet preseduta mill-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara COVID-19 Owen Bonnici u mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli.

Sadanittant, se jingħażel film ġdid għall-planetarju f’Esplora immirat lejn persuni li jgħixu b’diżabilitajiet intellettwali sabiex dawn ukoll ikunu jistgħu jesperjenzaw din l-attrazzjoni. Dan ukoll se jkun issussidjat mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja. Il-ftehim jaħseb ukoll biex permezz ta’ ħidma konġunta bejn il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Esplora jkunu żviluppati attivitajiet b’mod inklużiv għal diversi gruppi ta’ nies, fosthom dawk neqsin mid-dawl. Iż-żewġ entitajiet se jkunu qegħdin jaħdmu wkoll flimkien biex jissaħħaħ il-kunċett ta’ ‘autism friendly hours’ li Esplora toffri darba fix-xahar.



bottom of page